L-ikbar sfida għall-Qrati bħalissa: id-dewmien tal-proċeduri – Prim Imħallef

DOI - Clifton Fenech

Read in English.

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti sostna li l-ikbar sfida għall-Qrati fil-preżent hija d-dewmien tal-proċeduri quddiem il-Qrati kollha ta’ kull kompetenza.

Hu qal dan fid-diskors tiegħu tal-lum, l-1 ta’ Ottubru, li huwa l-jum li fih uffiċjalment tibda s-sena tal-ħidma tal-qrati. Hu qal li jeħtieġ li l-ġudikant jirrispetta d-dinjità ta’ kull min jidher quddiemu u b’hekk ikun jista’ jikseb ir-rispett lura. Sostna li l-ġudikant, bl-aġir tiegħu, irid ikollu dixxiplina kbira miegħu nniffsu. Insista li jrid ikun ħafif u pront biex jisma’ u jiddeċiedi l-kawżi fl-iqsar żmien possibbli bla ma jaqa’ fin-nassa tal-għaġġla “li biex ilaħħaq man-numri huwa ma jwettaqx ġustizzja vera”.

Irrimarka li fil-ftit xhur li ilu fil-kariga, diġà ħareġ ċar li hemm bżonn l-intervent leġiżlattiv f’żieda ta’ ġudikanti mhux biss minħabba l-volum tal-kawżi, imma anke minħabba l-ispeċjalizzazzjoni dejjem qed tikber. Qal li hemm bżonn ukoll emendi ta’ liġijiet li jgħinu għal aktar ħeffa u tneħħija ta’ burokrazija proċedurali żejda.

Bżonn reviżjoni tal-kors tal-liġi

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Imħallef sostna li jemmen li l-gvern, flimkien mal-Università ta’ Malta, għandhom jikkunsidraw reviżjoni tal-kors tal-liġi. Dan biex jinħoloq kors aktar speċjalizzat għal min jixtieq ikun avukat li jaħdem fil-Qorti. Irrimarka li minkejja li qed jilħqu ħafna avukati ta’ kull sena, ftit biss huma dawk li fl-aħħar jagħżlu li jipprattikaw fil-qrati. 

Insista li diġà hemm problema li fil-qrati hemm ftit avukati li jaħdmu fil-qorti u jekk din il-problema ma tiġix indirizzata, fil-futur jista’ jkun hawn sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm għażla ta’ avukati li jkunu lesti jaħdmu fil-Qorti. Qal li bil-wisq inqas fejn jidħlu avukati li jsiru ġudikanti jew prosekuturi.

Kompla jgħid li fil-qasam kriminali u kummerċjali hemm nuqqas kbir ta’ persuni esperti li għandhom il-ħiliet neċessarji biex jgħinu lill-ġudikatura jew li jagħżlu li jipprattikaw il-professjoni speċjalizzata tagħhom fil-qasam purament ġudizzjarju.

Hu wiegħedli flimkien mal-ġudikanti kollha l-oħra, b’umiltà jagħmlu ħilithom biex jaqdu d-doveri tagħhom, mhux bil-kelma biss iżda bl-eżempju f’xogħolhom, fis-servizz u fil-qadi ta’ dmirijiethom bla ebda distinzjoni jew eċċezzjoni.

Il-Ministru Zammit Lewis b’awgurju f’dan il-jum

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis awgura lill-Prim Imħallef, lill-ġudikatura, lill-amministrazzjoni tal-qorti, lill-avukati u lill-prattikanti legali u lill-ħaddiema kollha tal-Qrati tal-Ġustizzja l-ħidma t-tajba b’risq amministrazzjoni aħjar u aktar effiċjenti għall-ġustizzja tal-pajjiż.