“L-ikbar” donazzjoni li qatt ingħatat?

Dar tal-Providenza donazzjonijiet

Fl-aħħar jiem il-poplu Malti wera’ l-ġenerożità tiegħu permezz tal-maratoni għall-karità li ġew trasmessi fuq it-televiżjoni lokali. Kulħadd ta dak li seta’ sabiex jgħin kif jista’. Iżda liem hi l-ikbar għotja li ngħatat f’dan il-pajiż fl-aħħar snin?

Id-donazzjoni li ppreżenta l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’isem Catco Group Capita kienet qed titqies bħala l-ikbar donazzjoni li qatt ingħatat. Din id-donazzjoni issa tinsab għaddej minn proċess ta’ skrutinju.

Madankollu, meta wieħed iħares lejn id-donazzjonijiet li ngħataw matul l-aħħar snin jista’ jinduna li din mhix l-ikbar donazzjoni. In-negozjant Paul Gauci fl-2019 kien ta madwar €7 miljun f’shares b’donazzjoni lill-ħames fondazzjonijiet tal-karità.

Il-Grupp PG li l-maġġorparti tas-shares tal-kumpanija jinsabu f’idejn Gauci huma s-sidien tal-Pavi u l-Pama kif ukoll ta’ Zara Malta.

Ma’ Newsbook.com.mt Gauci kien qal li ħadd qatt ma ftaqar għax ta donazzjoni. Il-ħames istituzzjonijiet li gawdew minn din id-donazzjoni kienu: The Malta Trust Foundation, Dar Bjorn, Puttinu Cares, id-Djar tal-Ursolini u Fondazzjoni Sebħ.

F’Lulju 2018 Gauci kien ta’ shares lil Caritas u lid-Dar tal-Providenza bħala parti mill-programm  ‘Caring for our Community’.

Is-Sibt, id-Dar tal-Providenza qalet li talbet iktar dokumenti dwar id-donazzjoni li ġiet ippreżentata minn Delia f’isem il-grupp. Id-dar spjegat li donazzjonijiet fi flus ta’ iktar minn €5,000 u pledges ta’ iktar minn €10,000 minn individwi u kumpaniji huma suġġetti għall-proċess ta’ verifika.

Fil-jiem li għaddew, tħabbar li dan il-Catco Group Capita huwa l-isponsor il-ġdid ta’ klabb tal-futbol Sliema Wanderers.

Matul din il-maratona fuq it-televiżjoni, id-Dar tal-Providenza ġabret is-somma rekord ta’ €2.5 miljun.