L-ikbar art privata fid-dinja tinsab għall-bejgħ

L-Awstralja se tbiegħ dik li hi meqjusa l-ikbar medda art fid-dinja li hi privata – 63,000 kilometru kwadru ta’ art li bħalissa tintuża għall-baqar, b’valur ta’ €250 miljun.
L-art, li hi daqs tliet kwarti tal-Ingilterra, kienet inxtrat fl-1899 minn Sir Sidney Kidman, li hu qarib mill-bogħod tal-attriċi Nicole Kidman.
Dakinhar, kien ħalla daru fin-naħa t’isfel tal-Awstralja, mingħajr ebda flus fil-but u matul is-snin bena dak li tqies l-ikbar imperu marbut mal-industrija agrikola tat-trobbija tal-baqar.
Il-bejgħ tal-art ġibed l-interess ta’ 30 entità differenti minn madwar id-dinja, fosthom ta’ investituri miċ-Ċina, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera u l-Kanada, imma fl-Awstralja stess mill-ewwel bdiet il-kontroversja b’Membri Parlamentari jinsistu li l-pajjiż m’għandux iħalli kumpaniji statali ta’ pajjiżi oħra jixtru art fl-Awstralja.