L-IIP ma għandux sistema li tiżgura kredibilità fil-ġbir tad-dhul- NAO

Fir-rapport annwali dwar l-kontijiet pubbliċi fid-dipartimenit tal-Gvern,l-Awditur Ġeneral Charles Deguara, qal fost l-oħrajn li il-Fondazzjoni Valletta fis-sena tal-V18 ma mexxietx mar-regolamenti tax-xiri waqt li l-Programm tax-xiri tal-Passporti ma kellux  sistema tal-informazzjoni teknoloġika  biex tiżgura kredilità fil-ġbir ta’ dħul.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għamel xejn anqas minn 230 rakkomandazzjoni dwar nuqqasijiet li sab fid-29 rapport li sar fuq l-operat ta’ numru ta’ dipartimenti u entitajiet governattivi.

Ir-rapport ġie ppreżentat illum lill-iSpeaker tal-Kamra Dr Anġlu Farrugia. Fost l-oħrajn ir-rapport jgħid li:

  • Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ma kinitx qed tosserva r-regolamenti tax-xiri, dan minbarra li spiss naqset milli żżomm dokumentazzjoni relatata.
  • Ma kienx hemm ukoll dokumentazzjoni li tkopri servizzi konsulari rrapportati mill-Kummissjoni Għolja Maltija f’Canberra.
  • Ma nstab l-ebda inventarju tal-istokk fl-istores li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex.
  • Fil-Qrati tal-Ġustizzja ġew innotati nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ kontroll intern b’rabta mal-ġbir ta’ multi. Verifika tal-ispiża kapitali tat-Teatru Manoel identifikat nuqqasijiet serji ta’ governanza.
  • Waqt verifika tal-Iskema “Spiżerija tal-Għażla Tiegħek” u tal-Programm ta’ Investitur Individwali deher ċar in-nuqqas ta’ sistema integrata tal-informazzjoni teknoloġika tant meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza u l-kredibilità fl-operat, inkluż fil-ġbir ta’ dħul.
  • Ġew eżaminati kuntratti bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u għaqdiet mhux governattivi li joffru servizz soċjali fil-komunitajiet, kif ukoll saret verifika dwar il-provediment ta’ sodod mediċi mixtrija mill-Ministeru tas-Saħħa għal pazjenti li jeħtieġu kura fit-tul.