L-IĠM tippremja lil George Cremona fil-kategorija Ġurnaliżmu Radjofoniku

George Cremona rebaħ il-kategorija Ġurnaliżmu Radjofoniku f’isem RTK 103FM waqt is-serata annwali fejn ġurnalisti lokali jiġu ppremjati tax-xogħol li jagħmlu.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ilbieraħ filgħaxija ħabbar il-ġurnalisti rebbieħa tad-29 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards.

Fl-istess ċerimonja, tħabbar li l-ġurnalista veteran Laurence Grech ingħata rikonoxximent billi l-Gold Award sponsorjat mill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu ngħata lilu. Il-motivazzjoni tressqet lill-Bord ta’ Ġurija li kien magħmul lill-President Emeritus Dr. Marie Louise Coleiro Preca u mis-Sinjuri Frans Ghirxi u Mario Schiavone.

Intant, ġurija indipendenti kienet maħtura mill-IĠM biex tevalwa s-sottomissjonijiet għall-Malta Journalism Awards. Din kienet magħmulha mis-Sur Albert Callus bħala Chairman u mis-Sinjuri Antoine Falzon u Sergio Mallia.

Il-President George Vella fid-diskors tal-għeluq innota kif l-avvanzi fil-mezzi tal-kommunikazzjoni u anke l-metodi ta’ kif l-informazzjoni tasal minn post għal ieħor hi riflessjoni ta’ dinja iktar globalizzata u ta’ mezzi ta’ telekommunikazzjoni iktar effiċjent. Sostna li l-ammont ta’ informazzjoni li tiġi maħluqa għandha l-poter iċaqlaq l-istrutturi soċjali u anke f’ċertu każi dawk governattivi.

OPR

Missier u ibnu rebbieħa fl-istess serata

F’din l-edizzjoni ta’ Unuri mill-IĠM, rebħu missier u ibnu, Andrew Azzopardi f’isem TVM 2 u Karl Azzopardi f’isem il-MaltaToday.

Ilment dwar il-kategorija “Ġurnaliżmu Mxandar Skript Televiżiv – Aħbarijiet”

Fi stqarrija l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li l-Ħadd filgħodu huwa rċieva ilment b’rabta mal-kategorija “Ġurnaliżmu Mxandar Skript Televiżiv – Aħbarijiet”. Dan kien intrebaħ minn Jonathan Farrugia.

L-IĠM spjega li l-ilment għadda għand il-Bord tal-Ġurija, liema Bord osserva li l-ammissjoni ta’ Farrugia f’dik il-kategorija ma kienx konformi ma’ dak li huwa stabbilit fir-regolamenti tal-kategorija speċifika.

Il-Bord tal-Ġurija ddeċieda li l-premju ta’ Farrugia jiġi revokat u li min kiseb l-ogħla punteġġ wara Farrugia għandu jiġi ddikjarat rebbieħ. Għaldaqstant Antonia Micallef ġiet iddikjarata rebbieħa. Il-finalisti l-oħra kienu Keith Demicoli u Fiorella Pace.

Ir-rebbieħa huma dawn:

  • Kategorija: Ġurnaliżmu Investigativ Stampat – David Hudson, Maltatoday
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Fotografiku – Sponsorjata minn The Farsons Foundation – Darrin Zammit Lupi, Reuters
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Mxandar Skript Televiżiv – Aħbarijiet – Antonia Micallef, TVM
  • Kategorija Ġurnaliżmu Mxandar Skript Televiżiv – Features – Mario Xuereb, TVM
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Radjufoniku – Aħbarijiet Kurrenti – George Cremona, RTK
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Mxandar – Filmat – Brandon Pisani, TVM
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Stampat/Elettroniku Stejjer Umani – Sponsorjata mill-Malta Public Transport – Karl Azzopardi, Maltatoday
  • Kategorija – Ġurnaliżmu Mxandar – Stejjer Umani – Sponsorjata mill-Malta Public Transport – Andrew Azzopardi, TVM 2
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Kulturali – Stampat – Sponsorjata mill-Awtorita Maltija tat-Turiżmu – Noel D’Anastasi, In-Nazzjon
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Kulturali – Mxandar – Sponsorjata mill-Awtorita Maltija tat-Turiżmu – Mario Xuereb, Radju Malta
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Elettroniku – Kulturali – Sponsorjat mill-Awtorita Maltija tat-Turiżmu – Keith Demicoli, www.tvm.com.mt
  • Kategorija: Ġurnaliżmu dwar l-Ambjent – Sponsorjata mill-kumpanija Wasteserv – Alan Deidun, The Sunday Times of Malta
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Elettroniku – Sponsorjat mill-Malta Information Technology Agency – Glen Falzon, www.tvm.com.mt
  • Kategorija: Ġurnaliżmu dwar l-Ivvjaġġar – Sponsorjat mill-Britannia Services Limited – CVC Media, TVM
  • Kategorija: Artikli ta’ Opinjoni – Sponsorjata minn AX Hotels – Alan Deidun, The Sunday Times of Malta
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Stampat Sport – Sponsorjata mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat – Valhmor Camilleri, The Sunday Times of Malta
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Mxandar Sport – Sponsorjata mill-Fond għall-Kawżi Ġusti – Charles Camenzuli, NET TV
  • Kategorija: Ġurnaliżmu Fotografiku Sport – Sponsorjata mill-Malta Gaming Authority – Domenic Aquilina, The Professional Imagemaker
  • Kategorija: L-Aħjar Użu tal-Ilsien Malti fil-Gazzetti u l-Internet – Sponsorjata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti – Victor Vella, Union Print
  • Kategorija: L-Aħjar Użu tal-Ilsien Malti fuq ir-Radju u t-Televiżjoni – Sponsorjata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti – Mario Xuereb, PBS