L-IĠM jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga theddid fuq ġurnalist

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga ittra anonima b’theddid li ntbagħtet lill-ġurnalist ta’ l-orizzont, Victor Vella.
L-IĠM qed jappella lill-Pulizija taqbad lill-persuna kodarda li nħbiet wara l-anonimità biex twassal theddid razzjali tagħha bi ksur tal-liġijiet Maltin.
Fl-istess ħin, l-IĠM ikkundanna bil-qawwa kollha t-theddid li wasal lil Vella u lill-familja tiegħu, biċ-Chairman Karl Wright jiddeskrivi l-att bħala wieħed kodard li ma jagħmilx ġieħ lil min kitbu, aħseb u ara lin-nazzjon.
L-IĠM esprima solidarjetà ma’ Vella u ħeġġu biex, b’kuraġġ, jibqa’ għaddej bil-ħidma professjonali tiegħu u jwassal il-messaġġ ta’ dawk fost l-iktar vulnerabbli fid-dinja.
Anke l-GWU kkundannat bil-qawwa kollha l-att intimidatorju u qalet li mhix se tħalli lil Vella u familtu, weħidhom.
Waqt li ħeġġet lill-midja biex iwasslu messaġġ li m’hemmx lok għal tbeżżiegħ u intimidazzjoni, saħqet li se tibqa’ taħdem għal soċjetà inklussiva li tagħti dinjità u opportunità lil min qed jgħix f’Malta irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, twemmin politiku jew reliġjuż, jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.
Insistiet li t-tolleranza, l-integrazzjoni u r-rispett huma l-għodda u l-miżuri ewlenin biex tingħeleb il-mibgħeda u l-ksenofobija.