L-IĠM jitlob aktar ċertezza dwar l-għajnuna mill-Gvern

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fi stqarrija talab għal aktar ċertezza mill-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam l-għajnuna li huwa kommess li jagħti lill-ġurnalisti. L-IĠM innota b’mod pożittiv li l-Gvern wieġeb għas-sajħa tal-ġurnalisti u fil-pront wiegħed li jagħti għajnuna biex tittieħed azzjoni mmedjata biex ikun imħares is-settur ġurnalistiku waqt il-pandemija tal-Covid-19.

L-IĠM kien qed jirreaġixxi għall-aħbar li Malta reġgħet niżlet fl-indiċi tal-libertà tal-midja li jiġi ppubblikat kull sena mill-għaqda Reporters Without Borders (RSF). Fl-indiċi ta’ din is-sena Malta kklassifikat fil-81 post li huwa l-agħar riżultat li qatt kisbet minn kemm ilha tiġi kklassifata fl-indiċi fl-2013. Mis-sena l-oħra l’hawn Malta waqgħet erba’ postijiet.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin stqarr li “l-ebda soċjetà ma tista’ tkun verament libera u demokratika jekk ma tkunx infumata tajjeb u f’dan ir-rigward din il-waqa’ tiddiżappunta u hi ta’ nkwiet”. L-IĠM stqarr ukoll li jemmen li fl-aħħar mill-aħħar, Saltna tad-Dritt dgħajfa tfixkel il-ġurnaliżmu u li hemm bżonn isir ferm aktar biex il-ġurnalisti jkollhom aċċess għal informazzjoni importanti.

Fid-dawl tal-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, l-IĠM qal li n-nuqqas tal-awtoritajiet li jieħdu azzjoni fuq rapporti ta’ korruzzjoni, iħalli lill-ġurnalisti weħidhom u f’riskju. Sostnew dan billi qalu li tirredikola u tipprova tiskredita lill-ġurnalisti, iwassal għal sitwazzjoni aktar perikoluża.

Aqra l-istqarrija sħiħa:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn