L-IĠM jikkundanna theddid kontra ġurnalist ta’ Newsbook

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar kontra ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt li kien qiegħed jirapporta dimostrazzjoni li saret f’Santa Luċija lbieraħ.

L-IĠM qal li fl-aħħar sigħat irċieva rapport li waqt ir-rappurtaġġ tad-dimostrazzjoni, ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt ġie mwaqqaf minn ħaddiema li kienu qed jagħlqu ż-żona fejn kienet qed iseħħ protesta fuq ordnijiet li kellhom. Minkejja li l-ġurnalist ikkopera u ħareġ miż-żona li kienet se tingħalaq, hu twaqqaf mill-ħaddiema milli jieħu ritratti ta’ dak li kien qed iseħħ quddiemu. Hu kkwota ħaddiem minnhom jgħidlu “jekk tieħu r-ritratti niġi u nkissirlek il-camera.” Il-ġurnalist ma weġġax waqt l-inċident.

“Dan mhux aċċettabbli!,” qal l-IĠM.

Newsbook.com.mt kien fuq il-post għall-ħabta tal-11.05am meta xi ħaddiema ppruvaw ikeċċu liż-żgħażagħ, għax qalulhom li kellhom ordnijiet li ż-żgħażagħ mhux suppost kienu hemm, iżda dawn baqgħu hemmhekk minkejja li l-ħaddiema heddewhom li jagħlquhom hemm.

Ġurnalist mhedded waqt li ħaddiema sakkru żgħażagħ fi protesta

L-IĠM żied jgħid li l-ebda theddid fuq il-ġurnalisti li qed jaqdu dmirhom biex jinfurmaw lill-pubbliku mhu tollerabbli.

“Nappellaw lill-ġurnalisti biex jibqgħu iwettqu xogħolhom u ma jħallux l-intimidazzjonijiet iwaqqfuhom milli jwasslu l-aħbar ta’ dak li jkun qed iseħħ lill-pubbliku. Jeħtieg li l-poplu japprezza aktar l-irwol kruċjali li għandha l-media fit-tħaddin tal-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija u jingħaqad magħna biex jikkundanna atti bħal dawn.”

L-IĠM appella wkoll biex kull meta jkun hemm każi bħal dawn jinfurmaw lill-Kunsill tal-istess istitut biex tittieħed azzjoni. Estenda wkoll l-appell biex atti bħal dawn jiġu kkundannati mill-awtoritajiet responsabbli u jieħdu azzjoni biex affarijiet deplorabbli bħal dawn ma jerġgħux iseħħu fil-futur.

L-IĠM temm jgħid li jirringrazzja lill-kollegi ġurnalisti għax-xogħol li jwettqu u għall-kuraġg meta jsibu ma’ wiċċhom sitwazzjonijiet bħal dawn.

Mhux l-ewwel inċident tat-tip

F’Lulju, ġurnalista minn din il-kamra tal-aħbarijiet twaqqfet milli tagħmel xogħolha hi u tieħu xi filmati barra d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Filmat: Ġurnalista ta’ Newsbook imwaqqfa milli tagħmel xogħolha barra d-Dar Ċentrali

F’Settembru tal-2018, ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt safa attakkat minn ħaddiem tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika quddiem il-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Filmat: Ġurnalist ta’ Newsbook attakkat quddiem il-mafkar ta’ Daphne