L-IĠM jakkuża lill-PM li qed jikser l-avviż legali tad-distanza soċjali

Robert Abela Prim Ministru ġurnalisti

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li hu diżappuntat ħafna bin-nuqqas ta’ rispett li l-Gvern qed juri lejn il-liġijiet, il-ġurnalisti, il-pubbliku ġenerali u lejn ir-rakkomandazzjonijiet tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

L-IĠM ippubblika ritratt meħud waqt il-ftuħ tal-mini f’Santa Luċija mill-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu, li fih jidhru n-nies qrib xulxin.

L-IĠM innota li din l-attività setgħet ġiet organizzata b’tali mod li tinkludi d-distanza soċjali, u qal li din il-liġi nkisret mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu. Billi l-każijiet tal-coronavirus qed jiżdiedu b’aktar minn 100 ta’ kuljum, u kulma jmur qed jiżdiedu l-imwiet bil-coronavirus, l-IĠM hu mħasseb fuq il-ksur ta’ dawn il-liġijiet tas-saħħa pubblika.

L-avviż legali LN 402/2020 jgħid li l-maskri jistgħu jitneħħew b’mod temporanju waqt xi attività ta’ diskors pubbliku, ġaladarba jkun hemm distanza fiżika ta’ tal-anqas żewġ metri bejn in-nies. L-IĠM qalet li hu ċar mir-ritratt provdut li din id-distanza ma nżammitx mill-Prim Ministru u dawk ta’ madwaru, iżda l-Prim Ministru missu ta eżempju.

L-Istitut qal li qajla hemm x’jista’ jagħmel ħlief li jesprimi solidarjetà mal-ġurnalisti li jaffaċċjaw dawn is-sitwazzjonijiet. Appella lit-trejd unjins biex jiddiskutu l-kwistjoni u jiggwidaw lill-membri tagħhom fuq kif għandhom ikunu siguri waqt li jkunu fuq xogħol.

“Il-ġurnalisti għandhom iżommu d-distanza bejniethom huma stess” – OPM

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru rreaġixxa għal din l-istqarrija billi qal li mhuwiex minnu li l-Prim Ministru mhux jimxi mal-avviżi legali. Qal li hi responsabbiltà ta’ kull individwu li jara li jieħu ħsieb lil ta’ madwaru, u għalhekk, il-ġurnalisti għandhom jaraw li jżommu d-distanza bejniethom. L-OPM issokta jgħid “hi responsabbiltà tal-ġurnalisti wkoll li ma jikkongregawx.”

Ġie spjegat li l-uffiċjali li jkunu mal-Prim Ministru kemm-il darba talbu lill-ġurnalisti jersqu lura, u jgħidulhom li għandhom jużaw stikka twila mal-mikrofonu biex iżommu d-distanza.

“Ikun tajjeb li l-IĠM tagħti struzzjonijiet lill-membri tagħha sabiex jaderixxu ma’ dawn l-istruzzjonijiet li jingħataw.”

L-OPM temm jgħid, “Wieħed jittama biss li ma jkunx hemm min jaħseb li l-Prim Ministru jew xi membru ieħor tal-Gvern ikun qed jagħmel dan biex b’xi mod issa jwaqqaf jew ixekkel lill-ġurnalisti milli jagħmlu xogħolhom. Li hu żgur, il-Prim Ministru, forsi b’differenza għall-politiċi oħra, qatt ma ddejjaq mill-iskrutinju tal-midja.”