L-IĠM fost 33 ġurnalist għal manifestazzjoni f’Malta fis-16 ta’ Ottubru

Membri mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin se jissieħbu ma’ 33 ġurnalist li ġejjin Malta għal manifestazzjoni fl-anniversarju mill-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt iċ-Ċermen tal-IĠM, Yannick Pace.

Il-ġurnalisti internazzjonali segwew l-appell tal-ġurnalista Taljana Maria Grazia Mazzola, ta’ TG1, biex ġurnalisti minn madwar id-dinja jiġu Malta fl-anniversarju tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-messaġġ tagħha, il-ġurnalista spjegat li l-Ewropa ma għadhiex post sigur għall-ġurnalisti u li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fit-18 ta’ Ottubru tal-2017 u tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak fil-21 ta’ Frar ta’ din is-sena juru dan biċ-ċar. Irrimarkat kif it-tnejn li huma kienu qed jindagaw il-ħasil tal-flus, illegalitajiet, korruzzjoni fil-politika u l-Panama Papers fost affarijiet oħra.

Fit-talba tagħha inkoraġġiet lill-ġurnalisti sabiex jiġu Malta u jistaqsu għall-verità dwar min kien li talab għall-assassinju tal-ġurnalista.