L-IĠM bi proċedura ġdida għall-ilmenti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin vara sistema ġdida li permezz tagħha se jilqa’ u jivverifika lmenti li jaslulha mill-ġurnalisti fi twettiq ta’ xogħolhom.

Fuq is-sit www.igm.mt, l-istatut qal li dan il-pass qed jittieħed fid-dawl tal-fatt li f’dawn il-ġranet, għaddejja kampanja elettorali għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Qalu wkoll li l-proċedura se tibqa’ applikabbli wara din il-fażi fl-iżvilupp demokratiku ta’ Malta.

L-IĠM appellat liż-żewġ kandidati fl-elezzjoni preżenti biex jassiguraw li tul din il-kampanja, il-ġurnalisti kollha jitħallew jaqdu dmirhom bil-libertà u ma jkunu mxekkla bl-ebda mod mill-kandidati nfushom jew min-nies ta’ madwarhom.

L-Istitut qal li d-dmir tal-ġurnalisti hu li jwasslu lill-qarrejja jew udjenza tagħhom dak kollu li jkun għaddej f’din il-kampanja qasira u jitħallew jagħmlu d-domandi li jidhrilhom xierqa.

Il-proċedura li se tkun addottata hija din:

  • Meta l-ilment jasal għand l-IĠM permezz ta’ email fuq info@igm.mt, dan jiġi assessjat biex ikun stabbilit li l-ilment hu wieħed validu. L-ilment għandu jkun sostnut minn evidenza li tinsab għand min qed jagħmel l-ilment.
  • Il-bażi tal-argument li jinġieb fl-ilment tintbgħat lil parti li allegatament wettqet in-nuqqas biex ikollu iċ-ċans jgħid il-verżjoni tiegħu tal-fatti fi żmien ta’ mhux aktar minn 6 siegħat.
  • L-IĠM, ladarba jirċievi risposta, jibgħat tweġiba lil min ikun ressaq l-ilment u jippublika l-korrispondenza kollha fuq is-sit elettroniku igm.mt.
  • L-ilment għandu jiġi indirizzat u tinħareġ tweġiba sa mhux aktar tard minn 24 siegħa ta’ xogħol mindu l-IĠM ikun irrikonoxxa li irċieva l-ilment.

Fl-istess stqarrija, l-IĦM qalet li l-proċedura intużat fl-ewwel ilment li waslilha dwar każ ta’ One News li fil-mument li staqsew il-mistoqsijiet lil Bernard Grech, persuni li kienu miegħu xekkluhom milli jkomplu b’xogħolhom.