L-ifqar fost il-fqar għandhom jiġu l-ewwel – il-President ta’ Malta

Wieħed minn kull erba’ ċittadini Ewropej jgħix fil-faqar jew f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. 
Il-faqar kompla jgħolli rasu u għalhekk se jibqa’ theddida għad-demokrazija, sfida għall-ġustizzja soċjali u ostaklu kbir għall-Ewropa soċjali. 
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, qalet dan f’messaġġ fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Faqar li, fi kliemha, “għandu jservi biex nifhmu li l-ifqar fost il-fqar għandhom dejjem jiġu l-ewwel fil-prijoritajiet tagħna”.
Sostniet li ħadd ma jagħżel li jkun fqir, u li l-faqar hu taħlita ta’ esperjenzi personali, kuntesti soċjali, realtajiet ekonomiċi u deċiżjonijiet politiċi. 
Saħqet li l-faqar hu theddida ewlenija għall-paċi għaliex in-nuqqas ta’ paċi għandha l-għeruq tagħha fl-inġustizzji materjali meta d-dinja għandha l-għerf u l-mezzi biżżejjed biex tgħin lill-umanità kollha tgħix ħajja xierqa. 
Il-President ta’ Malta staqsiet għaliex kompla jikber id-distakk materjali u soċjali bejn il-bnedmin filwaqt li fakkret li għad hemm miljuni ta’ nies li jkollhom jgħaddu b’dollaru kuljum, li jinsabu bla xogħol jew li huma fqar minkejja li jaħdmu bil-paga, jew oħrajn mingħajr drittijiet bażiċi.
Coleiro Preca sostniet li l-Presidenza temmen li r-riċerka u r-riflessjoni kritika u kollettiva huma indispensabbli għat-tħaddim tal-valur tal-ġustizzja soċjali.
Dan il-valur qed tħaddmu permezz tal-Osservatorju għall-Għixien Xieraq, li hi waħda mill-entitajiet fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.