L-iffullar jista’ jibdel il-ħabsijiet f’oqbra – il-Papa

REUTERS

Read in English.

It-Tnejn filgħodu waqt li kien qed iqaddes f’Casa Santa Marta, il-Papa Franġisku wissa li l-iffullar jista’ jbiddel il-ħabsijiet f’oqbra. Fl-istess omelija l-Papa fakkar li aħna nkunu ġġudikati fuq kif inġibu ruħna mal-fqar.

Il-Papa tkellem dwar il-problema tal-priġunieri f’ħabsijiet li jkunu ffullati ħafna u talab għalihom għax qal li l-iffullar li jeżisti f’ħafna pajjiżi jista’ jipperikolalhom ħajjithom.

‘Fejn hemm l-iffullar, hemm il-periklu li tul din l-epidemija dawn il-postijiet jinbidlu f’oqbra. Ejjew nitolbu biex dawk responsabbli jsibu soluzzjoni korretta u kreattiva għal din il-problema.”

Il-Papa Franġisku tkellem fit-tul dwar il-fqar li qed jinħolqu mis-sistema ekonomika preżenti u fuq id-dmir illi għandhom l-insara biex jgħinu lill-fqar.

 “Jekk ninjora lill-fqar u naġixxi daqslikieku ma jeżistux, il-Mulej jinjorani waqt il-Ġudizzju Universali… U din mhux attitudni komunista. Dan huwa l-qalba tal-Vanġelu.”

“Tagħmlux flus minn fuq dahar il-fqar”

Il-Papa kkritika wkoll lil ċerti organizzazzjonijiet karitatevoli u umanitarji għax dawn jagħmlu l-flus minn fuq il-fqar.

 “Jiġuni f’moħħi ċerti organizzazzjonijiet karitatevoli u umanitarji. Dawn ikollhom ħafna impjegati u struttura mimlija nies tant li 40% biss tal-flus miġbura jmorru għall-fqar waqt li 60% jmorru għas-salarji. Dan ma hu xejn ħlief mod kif jagħmlu l-flus minn fuq dahar il-fqar.”

 “Lill-fqar ma narawhomx”

Tul l-omelija, il-Papa reġa’ nsista li “aħna ħafna drabi lill-fqar ma narawhomx.”

 “Il-biċċa l-kbira ħafna tal-fqar huma dawk li aħna ma narawhomx. Dawn huma l-fqar moħbija. U aħna ma narawhomx għax aħna nidħlu fil-kultura tal-indifferenza li tiċħad li dawn jeżistu. Għalhekk aħna ngħdiu li mhumiex ħafna u li ma narawhomx. Aħna nimminimizzaw ir-realtà tal-fqar. Iżda ibqgħu ċerti li hawn ħafna.”

Il-Papa qal li dawn il-fqar qed jinħolqu minn sistema ekonomika u finanzjarja inġusta.