L-iffriżar tal-embrijuni mhux meħtieġ xjentifikament u mhux raġjonevoli – esperti f’isem il-Knisja

Grupp ta’ 22 espert fl-oqsma tal-mediċina, il-liġi, il-psikoloġija, il-politika soċjali, l-istudji tal-familja, l-istudji tad-diżabilità, il-filosofija u t-teoloġija lestew l-analiżi tagħhom għat-tibdil li l-Gvern jidher li qed iħejji għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Fost il-konklużjonijiet ewlenin, il-grupp jisħaq li l-iffriżar tal-embrijuni mhux meħtieġ xjentifikament, mhux raġjonevoli, u li mhemm ebda obbligu b’xi Qorti biex Malta tbiddel il-liġi tagħha, li s’issa tipproteġi l-ħajja mit-tnissil.
Itenni li l-involviment ta’ terzi persuni, bid-donazzjoni ta’ gameti jew kiri tal-utru, joħloq dilemmi serji dwar min huma l-veru ġenituri u jwassal għal konklużjonijiet serji etiċi, legali u psiko-soċjali.
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex Mario Grech laqgħu l-konklużjonijiet tal-grupp, li kien ikkordinat mill-Fakultà tat-Teoloġija.
Il-grupp saħaq li l-liġi li ddaħħlet f’Malta tliet snin ilu, hi waħda li tħares l-interessi tat-tarbija li se titwieled, u tippromwovi standards etiċi xierqa fit-trattament tal-fertilità. L-esperti insistew li mill-argumenti legali, mediċi u etiċi, il-liġi għandha tibqa’ kif inhi għax tħares id-dinjità u l-integrità tal-embrijun uman.
Fakkar li l-liġi ddaħħlet b’vot unanimu fil-Parlament wara konsultazzjoni nazzjonali wiesgħa u li l-ħarsien tal-embrijun, li hu valur stmat ħafna f’Malta, għandu jiġi affermat mhux imwarrab.
Spjega wkoll li l-IVF, li bil-liġi seta’ jibda jiġi offrut mis-servizz nazzjonali tas-saħħa, ilu jitħaddem biss ftit iktar minn sena u m’ilhomx li twieldu l-ewwel trabi mit-trattament. Minkejja dan, saħaq il-grupp t’esperti, l-ewwel riżultati juru li r-rata ta’ suċċess titqabbel tajjeb ma’ ċentri barranin. Għalhekk, mhemmx għalfejn jinħolqu embrijuni żejda li jispiċċaw jinħlew u jintremew, f’dak li sejjaħ “orfanatrofju tal-embrijuni”.
Spjega wkoll li ebda liġi Ewropea jew sentenzi reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jimponu tibdil fil-liġi Maltija, u jħallu fid-diskrezzjoni lil kull pajjiż jiddefinixxi min hi l-persuna, li fil-każ ta’ Malta s’issa l-Kodiċi Ċivili u dak Kriminali jħarsu l-embrijun uman mit-tnissil.
L-esperti urew tħassib ukoll għall-ittestjar ġenetiku qabel l-implantazzjoni ta’ embrijun imnissel, u saħqu li jkun ferm iktar probabbli li jiġu skartati embrijuni, mhux biss b’kundizzjonijiet fatali jew mhux vijabbli, imma wkoll b’difetti. Dan, saħqu, ifisser qtil volontarju ta’ embrijuni umani innoċenti.
Fl-istess ħin, l-esperti ħeġġew studji dwar l-infertilità f’Malta, li jiġu mħeġġa l-adozzjoni u l-fostering, li dawn ikollhom leġiżlazzjoni xierqa, u li jingħata sostenn uman u pastorali għall-koppji li ma jistax ikollhom ulied tagħhom stess.
Id-dokument dettaljat bil-pożizzjoni tal-esperti u s-Sommarju Eżekuttiv jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Knisja www.thechurchinmalta.org