“L-iffriżar tal-embrijuni ilu hemm mill-2012…għamilna l-liġi aktar ugwali”

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-emendi li tħabbru dil-ġimgħa dwar il-liġi tal-IVF iduru kollha mal-prinċipju tal-ugwaljanza, filwaqt li fakkar li l-iffriżar tal-embrijuni diġà qiegħed f’liġi li ddaħħlet fl-2012.
Waqt li kien qed jindirizza lin-nies fis-City Theatre l-Belt Valletta, Dr Muscat qal li l-ugwaljanza hi valur assolut għall-Partit Laburista, u mhux valur relattiv li llum tiddeċiedi li tapplikah u l-għada le.
Hawnhekk irrefera għal żwieġ bejn koppji tal-istess sess, li ladarba ddaħħlet dik il-liġi kellha tiddaħħal l-oħra li tagħtihom id-dritt li jaddottaw. Bl-istess mod Dr Muscat argumenta dwar parti mill-emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Fakkar li l-PL ma daħħalx hu l-kunċett ta’ ffriżar tal-embrijuni, iżda kulma għamel wessgħu aktar biex jilqa’ fih aktar persuni li jkunu jistgħu jagħmlu l-IVF.
“La qbilna miegħu fl-2012, mela issa dan huwa test għall-Oppożizzjoni, test dwar l-ugwaljanza, għax dakinhar ma smajt lil ħadd jitkellem”, qal il-PM, meta rrefera għal dik li sejħilha “sistema ipokrita” fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Semma l-każ tal-persuna transgender Joanne Cassar, u l-makkinarju li kien inxtara bil-miljuni għall-IVF, li għax qatt ma kien intuża qidek u kellu jintrema.
Dr Muscat qal li bl-emendi l-ġodda fil-liġi tal-IVF, persuna għandha l-obbligu li jekk hemm embrijun iffriżat minn tagħha din trid timpjantah fiha. Jekk il-persuna ma taċċettax, mela dak l-embrijun jingħata lil min ma jistax ikollu tfal.
“Dejjem konna l-vuċi tal-bidla, ta’ min m’għandux leħen, anki meta konna kkundannati bl-infern”
Hawnhekk il-PM qal li jekk il-prinċipju tal-iffriżar iddaħħal fl-2012, u issa twessa’, mela minħabba l-prinċipju assolut tal-ugwaljanza ma tistax toqgħod tagħżel min jista’ jirrikorri għalih jew le.
Saħaq li b’kuntrast ma’ min, fi kliemu, “joqgħod imur jilgħabha tal-moralist”, il-PL dejjem kien il-vuċi tal-minoranza fis-soċjetà, anki meta “konna kkundannati bl-infern”, minħabba n-natura progressiva tal-partit.
Fl-istess ħin waqt l-intervent tiegħu fuq Radio 101, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Gvern biex iwaqqaf immedjatament dawn l-emendi.
L-iskejjel privati u l-investiment fl-isptar militari tal-Imtarfa
Il-PM tkellem ukoll dwar il-qasam tal-edukazzjoni, u semma l-investiment li sar dil-ġimgħa f’dak li kien sptar militari fl-Imtarfa.
Qal li filwaqt li l-iżviluppatur irid jirrestawrah, ma jistax jibni aktar u jirrispetta lill-komunità u l-attivitajiet li jsiru fih, mistenni jibni skola internazzjonali ġdida.
Din l-iskola se tkun tilqa’ fiha studenti ta’ barranin li se jħallsu għall-edukazzjoni ta’ wliedhom, kif ukoll tattira ġenituri oħra li jkunu jixtiequ li wliedhom jitgħallmu f’Malta qabel ma jgħaddu għal edukazzjoni universitarja.
Il-PM qal li s-sitwazzjoni bħalissa hi li l-iskejjel privati mhux ilaħħqu mat-talba, meta sa 5 snin ilu dawn l-iskejjel kienu qed iċekknu l-klassijiet.
“L-iskema tar-restawr tad-djar hi waħda ambjentali”
Dwar l-iskema ta’ fondi lil min ikun irid jirrestawra dar antika, Dr Muscat irrimarka li din hi skema li tgħin lill-ambjent.
Qal li l-€10 miljuni li ħarġu din il-ġimgħa f’din l-iskema ma ġewx minn ġewwa, iżda nġabru fl-aħħar xhur mingħand dawk kollha f’Malta u Għawdex li kellhom iħallsu xi multi minħabba irregolaritajiet żgħar fid-dar tagħhom.