L-idea tal-iskema taċ-ċittadinanza ġiet wara l-elezzjoni – il-PM Joseph Muscat

Fl-ewwel dibattitu bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fuq Xarabank, il-Prim Ministru qal li l-idea tal-iskema taċ-ċittadinanza ġiet wara li l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern.

Skema taċ-ċittadinanza
Dr Muscat qal li l-programm taċ-ċittadinanza hu aċċettat minn kulħadd u l-Kap tal-Oppożizzjoni se jkollu ‘joqgħod biha’ u jaċċettaha. Qal li bil-flus li se jdaħħal, il-Gvern 'se jbiddel wiċċ il-pajjiż'.
Dr Busuttil staqsa kemm eżattament se jdaħħal il-Gvern minn din l-iskema.
Qal li mhux aċċettabli li l-Gvern iġib biljun ewro u fl-istess waqt jitlef ħafna aktar għax ikisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż. 

Adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jitlob li l-Gvern jipproteġi d-drittijiet tat-tfal u ma jgħaġġilx biex idaħħal il-liġi imma jagħmel studju dwar l-impatt soċjali tal-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess. 
Il-PM qal, li kif wiegħed qabel l-elezzjoni, se jitħalla f’idejn il-professjonisti biex iqisu huma jekk persuni tal-istess sess għandhomx jaddottaw it-tfal. 

Mediċini u pazjenti fil-kurituri
Dr Muscat qal li l-Gvern f’sena naqqas bin-nofs għal 320 persuna fil-kurituri ta’ Mater Dei. Il-medja tal-mediċini out of stock tnaqqset għal 40. Dr Busuttil qal li mill-Ministeri qed jgħidu lill-ispiżjara għal min għandhom imorru l-mediċini li jaslu wara li jkunu out of stock. 

Xogħol bil-prekarjat 
Il-Prim Ministru ħabbar li bil-kuntratti l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ fis-settur pubbliku, il-ħaddiema kollha mal-kuntratturi iridu jitħallsu mill-inqas €5.78 fis-siegħa.
Qal ukoll li l-Gvern se jieħu l-passi biex żewġ kuntratturi li inqatgħu żewġ sentenzi kontrihom fil-Qorti, ma jiħdux xogħol tal-Gvern għas-sentejn li ġejjin. 

Serq tad-dawl
Dwar is-serq tad-dawl, il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid ‘jaqbad il-ħut il-kbir sabiex jeħlu li għandhom jeħlu’ bl-għajnuna tal-konsumaturi. Spjega li min mhux se jgħaddi l-informazzjoni sa tliet ġimgħat oħra, se jittella’ l-qorti. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li f’dan il-każ irid li l-Qorti tiddeċiedi u mhux il-Prim Ministru li qed jindaħal fil-kors tal-Ġustizzja. Qal li l-Prim Ministru m’għandux jindaħal fix-xogħol tal-pulizija għax jimmina d-demokrazija.

Roħs fil-kontijiet tad-dawl 
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern biegħ ishma fl-Enemalta li kienet kumpanija li qed tfalli. Qal li sa Awwissu il-Gvern se jkollu rapport dwar l-interconnector. Wiegħed li sal-aħħar tax-xahar se jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u se jitnaqqsu miljun tunellata ta’ tniġġiż li jmur fil-pulmun tan-nies. 

B’reazzjoni għal dan Dr Busuttil qal li l-PM qed ipoġġi f’riskju l-ħajja tan-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa li ma jridux is-soluzzjoni tat-tanker tal-gass ankrat f’Marsaxlokk. Sfida lill-PM biex jippublika r-rapporti tal-esperti. 

Tibdil fil-Kabinett
Il-Prim Ministru qal li mhux se jkun hemm 'tibdil radikali' fil-kabinett. 

Malta Tagħna Lkoll
Dr Busuttil qal li l-Prim Ministru ma żammx il-wiegħda ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’. Qal li l-kriterju biex tintagħżel persuna hu li tkun Laburista u mhux għax tkun kompetenti. Semma kif il-Kumissarju tal-Pulizija li kien Prokuratur tal-Partit Laburista u l-Brigadier tal-Armata inqabeż erba’ promozzjonijiet.

Il-Prim Ministru wieġeb li l-ħatriet m’għandhomx bżonn il-barka tal-Oppożizzjoni. Semma li l-Prim Ministru ta’ qabel ukoll kellu dritt jappunta n-nies b’mod dirett, kif sar fil-każ ta' Dr Busuttil. 

Gvern li jwettaq dak li wiegħed – Dr Muscat
Dr Joseph Muscat qal li huwa jaf fejn naqas il-Gvern u lest li jikkoreġi. Qal li-pubbliku għandu jistaqsu jekk il-Gvern hux iwettaq li wiegħed u jekk il-Prim Ministru hux jieħu l-aqwa deċiżjonijiet għall-pajjiż. 
Huwa wiegħed li x-xogħol se jiżdied u l-ekonomija se tikber. Qal li l-Gvern mhux perfett iżda kif wiegħed, fost l-oħrajn, se tingħata lura l-VAT imħallsa fuq il-karozzi impurtati, se jiżdiedu l-istipendji u se jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.  

Oppożizzjoni b'saħħitha u kostruttiva – Dr Busuttil
Dr Simon Busuttil qal li hu jixtieq joffri oppożizzjoni b’saħħitha iżda kostruttiva. Bħala eżempju semma li l-Oppożizzjoni vvutat favur 20 minn 24 liġi li għaddew f’sena. 
Spjega li hu kuntent li sal-lum il-pajjiż ma kellux bżonn bailout u li kien hemm rekord fit-turiżmu. Iżda qal li jrid isemmu fejn hu ħażin, fosthom li  l-qagħad laħaq it-8,000, naqsu l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-bejgħ. 

Ritratt: Photocity