L-idea ta’ Abela għall-ħatra tal-Kummissarju ma tbiddel xejn – Repubblika

Ir-riforma li ppropona l-PM Robert Abela dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ma tbiddel xejn u hija inkwetanti, skont l-għaqda Repubblika.

Fi stqarrija, Repubblika qalet li qed tinkwieta dwar is-suppost riforma li ħabbar il-PM Robert Abela lbieraħ dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Repubblika qalet li bħal ma hu l-każ f’ħatriet oħra, il-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar kompletament mill-PM mingħajr kontrolli. Repubblika qalet li l-Kummissjoni Venezja kienet qajmet tħassib dwar dan.

“M’hemm xejn fil-bidliet li tħabbru mill-PM li jnaqqas jew jaqsam il-poteri tiegħu ma’ xi istituzzjoni oħra li jagħżel u li jneħħi Kummissarju.

X’qalet il-Kummissjoni Venezja?

Il-Kummissjoni Venezja kienet qalet li huwa importanti li l-Pulizija tgwadi l-kunfidenza tal-pubbliku u li jkun hemm perċezzjoni li hija politikament newtrali. Il-Kummissjoni qalet li f’Malta għandu jkun hemm kompetizzjoni pubblika għall-kariga tal-Kummissarju. Il-PM jew il-President imbagħad għandu jkun marbut bir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni, anke jekk ikollhom veto kontra l-kandidat.

Ilbieraħ Robert Abela qal li l-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tibda b’sejħa pubblika. Skont Repubblika huwa ovvju li riforma serja tirrekjedi li l-applikazzjonijiet jinfetħu għall-persuni li mhumiex fil-Korp tal-Pulizija.

“Però, din il-miżura hija utli biss jekk l-għażla ssir minn persuni indipendentament mill-PM,” qalet Repubblika.

L-għaqda qalet li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) se tevalwa l-applikazzjonijiet. Iddeskriviet il-Public Service Commission bħala istituzzjoni antikwata li tippreżerva l-poteri bla limitu tal-PM.

Fi kliem Repubblika, il-PSC tiġi appuntata mill-President fuq ir-rakkomandazzjoni tal-PM f’konsultazjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

“Prattikament, dan ifisser li l-PM jista’ jaħtar lil min irid fuq il-Kummissjoni anke jekk l-Oppożizzjoni ma tapprovahomx,” qalet Repubblika.

Skont Repubblika, dawk li se jagħżlu l-lista finali tal-ismijiet għall-kariga mhumiex appuntati fuq bażi ta’ kompetenza. L-għaqda qalet li dawk in-nies li se jkunu fuq il-lista se jintgħażlu sempliċiment għax il-PM ikun kuntent bihom.

L-għaqda qalet li l-kandidat li jagħżel il-PM jiġi approvat b’vot ta’ maġġoranza fil-Parlament.

Skont Repubblika, il-Kummissjoni Venezja tissuġġerixxi veto minħabba li pproponiet process li qabel l-għażla finali jkun sar kompletament mingħajr indħil mill-PM.

“Ir-riforma ta’ Robert Abela tmur kontra dan,” qalet Repubblika.

Fi kliem l-għaqda, il-Gvern injora l-appelli tal-Kummissjoni Venezja biex jikkonsulta mas-soċjetà ċivili b’mod effettiv qabel ma jagħmel riformi istituzzjonali.

It-Tnejn, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ippreżentat abbozz ta’ liġi dwar il-mod kif għandu jibda jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.

Fi stqarrija, il-PN qal li ilu jisħaq għal diversi xhur illi wasal iż-żmien illi il-ħatra u t-tneħħija ta’ Kunmmissarju tal-Pulziija għandhom jibdew isiru bl-approvazzjoni ta’ żewġ  terzi tal-Kamra tad-Deputati.