L-ICE teħles 300 immigrant li ġew arrestati f’Mississippi

Immigration and Customs Enforcement/Handout via REUTERS

L-Uffiċċjali tal-Immigrazzjoni fl-Istati Uniti qalu li ħelsu b’mod temporanju mat-300 persuna li ġew arrestati f’rejd li sar f’Mississippi l-Erbgħa.

Skont il-BBC, mas-700 ħaddiem minn seba’ impjanti ta’ proċessar agrikulturali ġew arrestati talli allegatament ma kellhomx id-dokumentazzjoni neċessarja biex jgħixu fl-Istati Uniti.

Ir-rejds qajmu kundanna mid-Demokratiċi hekk kif bdew joħorġu stejjer ta’ tfal separati mill-ġenituri tagħhom. Intant, l-Uffiċċjali qalu li ħadu l-passi neċessarju sabiex it-tfal jingħataw il-protezzjoni meħtieġa.

L-Immigration and Customs Enforcement (ICE) qalet li madwar 680 persuna ġew arrestati wara ħidma li rat għadd ta’ aġenti jaslu fuq xarabankijiet fejn bdew jinterrogaw u jarrestaw lill-ħaddiema fl-impjanti.

Il-President Donald Trump kien ħabbar li se jiżdied l-infurzar fuq l-immigrazzjoni f’Ġunju fejn qal ukoll li kien hemm “miljuni ta’ aljeni illegali” li qed jaħdmu u jgħixu fl-Istati Uniti u li se jitneħħew.