L-ibħra jgħaqqduna u rridu nħarsuhom – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku qal li huwa d-dmir ta’ kulħadd li jara li l-ibħra, li huma il-wirt komuni tagħna lkoll, jintħarsu. Jekk dan isir minn kull pajjiż, ikunu qed jiġu indirizzati ukoll problemi bħat-traffikar tan-nies, kundizzjonijiet mill-agħar għall-ħaddiema fl-industrija tas-sajd u l-problema tal-livelli tal-ilma baħar li dejjem qed jgħola. Huwa qal dan f’messaġġ li bagħat lill-parteċipanti tal-konferenza Our Ocean li qed tittella’ f’Malta bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.
F’messaġġ mibgħut mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, il-Papa jħeġġeġ lill-parteċipanti ta’ din il-konferenza biex iħarsu lejn is-sitwazzjoni tal-ibħra f’mod olistiku.
Il-Papa kkwota mill-enċiklika tiegħu Laudato Si u saħaq li l-pajjiżi jeħtieġ li jaħdmu flimkien favur il-ġid komuni mhux biss imnebbħa mil-liġijiet internazzjonali, iżda anke mill-prinċipju tas-subsidjarjetà u r-rispett lejn id-dinjità tal-persuna.
Iddeskriva l-ibħra bħala “patrimonju komuni tal-familja umana,” u insista li għalhekk ħadd ma jista’ jagħlaq għajnejh għall-problemi bħalma huma t-tniġġis ikkawżat minn skart li jintrema’ bl-addoċċ, fosthom il-plastik li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-“konsegwenzi gravi” mhux biss fuq is-saħħa marittima iżda anke fuq is-saħħa tal-bniedem.
“L-ibħra jgħaqqduna u jħeġġuna biex naħdmu flimkien,” kompla l-Papa.
Żied jgħid li “kollox huwa relatat” u għalhekk tkellem fuq il-bżonn li titqajjem kuxjenza li l-ibħra huma riżorsa kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar u t-tibdil fil-klima.
Ħeġġeġ biex ikunu żvillupati teknoloġiji ġodda, iżda anke bidla fil-mod kif ngħixu, fosthom mudelli ġodda ta’ produzzjoni u konsum, li jippromovu żvilupp uman awtentiku u integrali li jagħti valur il-governanza tajba.
“Ix-xjenza u r-reliġjon, bil-modi differenti li bihom jifhmu r-realtà, jistgħu jidħlu fi djalogu li jista’ jħalli l-frott,” kompla jgħid il-Papa.
Temm jappella għal iżjed edukazzjoni għax fi kliemu l-kontemplazzjoni tal-ħolqien, il-kobor u l-infinità tiegħu, tista’ sservi bħala sors bla qies ta’ ispirazzjoni.