L-Humanae Vitae m’għandhiex bżonn tkun aġġornata

Il-Professur Gilfredo Marengo tal-Istitut Teoloġiku Pontifiċju għall-Istudju fuq iż-Żwieġ u l-Familja, fi ktieb li għadu kif ippubblika, sostna li l-Enċiklika Humanae Vitae tal-Papa Pawlu VI ma hemmx għalfejn tkun aġġornata.
Il-ktieb “Knisja bla Storja – Storja bla Knisja”, jesplora l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-“Gaudium et Spes” il-kostituzzjoni pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja tal-lum, maħruġa mill-Konċilju Vatikan II.
Marengo qal li fl-istudji tiegħu sab li ‘waħda mill-akbar diffikultajiet fil-kitba tal-Humanae Vitae kienet dik li Pawlu VI ried imur ‘l hinn mill-polarizzazzjonijiet bejn id-duttrina u l-kwestjonijiet pastorali. Din l-Enċiklika hi dokument awtorevoli tal-Knisja Kattolika u hu parti mit-tradizzjoni.  Irridu naċċettawh kif inhu u napplikawh bi pjan pastorali intelliġenti. Minkejja li hi l-aktar enċiklika diskussa f’dawn l-aħħar 50 sena l-Humanae Vitae ma hemm bżonn tkun aġġornata.
Il-Professur Marengo jmexxi grupp li qed jagħmel investigazzjoni storika-kritika fl-abbozzar tal-Humanae Vitae biex isir magħruf il-proċess kollu li kien hemm wara l-kitba ta’ din l-Enċiklika. Hu magħruf li kemm qabel kif ukoll wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-Enċiklika kien hemm pressjonijiet kbar.
Il-Grupp kien ingħata aċċess għall-arkivji sigrieti tal-Vatikan għal żmien il-kitba tal-Humanae Vitae.  Marengo sostna li l-Konċilju Vatikan II kien iffaċilita s-soluzzjoni għall-problema tal-polarizzazzjoni bejn kwestjonijiet pastorali u dottrinali.
Żied jgħid li l-Papa Franġisku “qed jinvesti ħafna” fis-soluzzjoni ta’ din il-problema billi hu l-ewwel Papa minn wara l-Konċilju li ma kienx ħa sehem fih, għax il-papiet ta’ qablu kollha kienu pparteċipaw fil-Konċilju Vatikan II u allura jista’ jħares lejn l-imsemmi konċilju b’inqas emozzjoni għax ma ħax sehem fih.