L-enċiklika “Humanae Vitae” kienet profezija ċara

L-Humanae Vitae għalqet 50 sena

Ħamsin sena wara l-pubblikazzjoni tal-enċiklika tal-Papa Pawlu VI dwar ir-regolazzjoni tat-twelid, il-gazzetta uffiċjali tal-Vatikan, “L’Osservatore Romano” ippubblikat artiklu fl-ewwel faċċata li jfaħħar il-profezija ċara ta’ din l-enċiklika.

L-istorika Taljana, Lucetta Scaraffia, li hi kontributur regolari tal-imsemmija gazzetta qalet li l-“Humanae Vitae” kienet “dokument kuraġġjuż u allura kontroversjali” għax mar kontra l-għerf konvenzjonali tal-1968 meta r-rivoluzzjoni sesswali wiegħdet utopja ta’ ferħ u l-ekonomisti kienu qed iwissu li t-tkabbir tal-popolazzjoni kien qed jhedded il-prosperità tal-pajjiżi sinjuri.

50 sena wara “qed naraw l-affarijiet b’mod kompletament differenti”: ir-rivoluzzjoni sesswali ma ġabitx ferħ, u l-pajjiżi sinjuri qed iħabbtu wiċċhom ma’ popolazzjonijiet li qed jonqsu tant li xi pajjiżi qed jagħmlu liġijiet li jinċentivaw it-twelid, sostniet Scaraffia.

Fi żmien meta “tant nisa wara ħafna snin jużaw il-kontraċettivi ma jistgħux jikkonċepixxu tarbija” u fi żmien meta t-tfajliet li “għandhom tant passjoni għall-ekoloġija qed iduru għall-metodi naturali biex jirregolaw il-fertilità” wieħed jista’ jara li l-“Humanae Vitae” kienet profetika fit-tagħlim tagħha dwar ir-regolazzjoni naturali tat-twelid u s-saħħa tal-mara, kompliet l-artiklu tagħha f’ “L’Osservatore Romano”.

Scaraffia qalet li l-enċiklika għandha tinfeda “mill-oppożizzjoni antika bejn il-progressivi u l-konservattivi” u narawha kif verament hi: dokument profetiku li fih il-Knisja, għal darb’oħra fehmet il-perikli “tan-nasba utopika tas-seklu 20”. Temmet tgħid li l-“Humanae Vitae” trid tinqara b’għajnejn ġodda: l-għajnejn ta’ nies li qed jgħixu fis-seklu 21 u li issa “indunaw bil-falliment ta’ ħafna utopiji u teoriji ekonomiċi li kienu ppreżentati bħala li huma infallibbli.