L-HSBC ta’ Ġinevra jingħata multa rekord

Il-Bank HSBC ta’ Ġinevra, fl-Iżvizzera, ingħata multa rekord ta’ 40 miljun Frank Svizzeru (jew €38 miljun) minn awtoritajiet f’Ġinevra stess minħabba "nuqqasijiet fl-organizzazzjoni" li ppermettew ħasil ta’ flus fis-sussidjarja tal-Iżvizzera.
Dan hu l-istess bank li fih, ftit xhur ilu, faqqa’ l-iskandlu ta’ Swissleaks, fejn il-midja internazzjonali żvelat li l-bank kien qed jippermetti depożiti ta’ flus minn nies li riedu jiffrankaw milli jħallsu t-taxxa f’pajjiżhom, u saħansitra għalaq għajn għal attivitajiet illegali marbuta mal-bejgħ tal-armi.
Il-bank HSBC qal li b’hekk, il-każ kontra l-HSBC Private Bank ingħalaq u l-investigazzjoni sabet li la l-bank u lanqas il-ħaddiema tiegħu m’huma suspettati li wettqu reati kriminali.