L-HSBC se jkun qed ikeċċi 35,000 ħaddiem madwar id-dinja

Aġġornat 12:46 PM

Read in English.

L-HSBC ħabbar li se jkun qed ikeċċi 35,000 ħaddiem mill-fergħat madwar id-dinja bħala parti mill-istrutturar wara li l-profitti tal-bank naqsu b’terz is-sena li għaddiet. Dan skont rapporti f’diversi media internazzjonali.

Il-bank qed jimmira biex inaqqas l-impjegati tiegħu minn 235,000 għal 200,000 fi żmien tliet snin biex tnaqqas mal-€4 biljuni fi spejjeż sal-2022. Għadu mhux magħruf jekk Malta hux se jkun wieħed mill-pajjiżi li se jesperjenza tkeċċija ta’ ħaddiema.

Il-Kap Eżekuttiv tal-bank, Noel Quinn qal li partijiet tan-negozju ma kinux qed irendu profitti aċċettabbli. Qal li għalhekk qed joħorġu pjan revedut biex jiżdied id-dħul għall-investituri. Il-bank bħalissa għaddej minn ristrutturar internazzjonali bil-għan li jiżdiedu l-profitti. Dan qed jagħmlu billi tiżdied il-ħidma f’negozji kbar fl-Asja filwaqt li qed inaqqas in-negozju u l-ħaddiema f’pajjiżi oħrajn.

Kelliema għall-HSBC f’Malta spjegat ma’ Newsbook.com.mt li f’Novembru tal-2019, l-HSBC kien ikkonferma li se jkun qed inaqqas in-numru ta’ impjegati b’180. Dan tħabbar fi stqarrija li fiha l-bank qal li l-iskema volontarja tal-irtirar ingħalqet. Fil-pjan strateġiku li tħabbar f’Settembru tal-2019, il-bank qal li se jkun qed jiffoka iktar fuq is-servizzi bankarji diġitali, filwaqt li jkompli jaħdem biex il-fergħat jiġu mmodernizati.

F’Ottubru li għadda l-bank ħabbar numru ta’ azzjonijiet li se jkun qed jieħu bħala parti mill-pjan strateġiku. Fosthom wieħed isib li se jingħalqu b’kollox tmien fergħat madwar Malta. Il-fergħat jinsabu f’Birżebbuġa, Bormla, il-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar.

Il-bank se jkun qed iżomm is-servizz ta’ ATM u deposit machines f’dawn il-lokalitajiet. Intant, il-fergħat ta’ Ħal Balzan u ta’ Ħal Qormi se jingħalqu wkoll u s-servizzi tagħhom se jiġu trasferti għal fergħa innovattiva fl-uffiċċju prinċipali tal-bank f’Ħal Qormi.

Il-kelliema tal-bank qalet li f’Malta l-bank se jkun qed jopera b’16-il fergħa li tinkludi dik ta’ Ħal Qormi. Mistoqsija għall-għadd ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-bank, il-kelliema qalet li b’kollox il-bank jimpjega mal-1,000 ħaddiem.