L-HSBC, l-UNESCO jintroduċu ktieb ambjentali dwar Wied il-Għasel fil-Mosta

Biex jiċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ambjent (5 ta’ Ġunju), l-HSBC Malta u l-Kummissjoni Nazzjonali Maltija tal-UNESCO qed ħejjew tagħrif ġdid biex jenfasizzaw is-sehem importanti li għandhom il-widien fl-ekoloġija ta’ Malta.

Miktub u ddisinjat minn Jason Aloisio, bl-isem Mixja f’Wied il-Għasel, il-ktejjeb jiġbor fih il-firxa vasta ta’ flora u fawna li hemm f’dan il-wied fil-limiti tal-Mosta. Il-pubblikazzjoni hi ffinanzjata mill-HSBC Water Programme – Catch the Drop.

Il-Jum Dinji tal-Ambjent hu mmarkat mad-dinja kollha kull sena fil-5 ta’ Ġunju. It-tema ta’ din is-sena hi It-Tniġġis tal-Arja.  Madwar il-grupp kollu, l-HSBC iħeġġeġ lill-fornituri tiegħu biex jirriċiklaw u jibdlu l-iskart f’enerġija.

Mixja f’Wied il-Għasel hi t-tieni pubblikazzjoni f’kollaborazzjoni bejn l-HSBC Malta u l-Kummissjoni Nazzjonali Maltija tal-UNESCO u t-tieni waħda ta’ Jason Aloisio. Is-sur Aloisio hu ukoll għalliem fi ħdan BirdLife Malta. Il-pubblikazzjoni ta’ qabel tiegħu jisimha Mixja f’Wied il-Lunzjata.

“Hu ttamat li dawn il-kotba jinkoraġġixxu lill-għalliema biex iħajjru lill-istudenti tagħhom għal aktar attivitajiet fil-beraħ u fl-istess waqt jgħinuhom japprezzaw il-wirt naturali u l-forom kollha ta’ ħajja selvaġġa f’Malta,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta Andrew Beane.

Sarah Brady, Manager tal-Edukazzjoni ma’ BirdLife Malta, qalet: “Li persuna tqatta’ ħin fin-natura hi ħaġa tassew imprezzabbli għas-saħħa u l-benesseri tagħna. Dan ukoll iħeġġiġna biex nagħmlu anqas ħsara lill-ambjent. Dan il-ktejjeb se jgħin biex persuna titgħallem dwar l-fawna selvaġġa li tgħix ftit il-bogħod minn biebna, kif ukoll biex tispira lill-għalliema u lit-tfal ħalli jgawdu l-ambjenti naturali u jitgħallmu minn perspettiva differenti. Nirringrazzjaw lis-sur Jason Aloisio u lill-HSBC għax-xogħol tagħhom biex dan seta’ jseħħ.”

Aktar tagħrif dwar il-ktejjeb jinkiseb billi persuna ċċempel 2155 3503 jew 2134 7645.