L-HSBC jinvestiga “diffikultà teknika” li wasslet għal tranżazzjonijiet suspettużi

Read in English.

Il-bank HSBC qed jinvestiga tranżazzjonijiet suspettużi li kellhom xi klijenti tiegħu fil-kontijiet bankarji tagħhom. Huwa assigura lill-klijenti tiegħu li l-kontijiet tagħhom ma ġewx kompromessi, imma kien hemm xi żbalji fid-dettalji tat-tranżazzjonijiet minħabba diffikultà teknika.

F’dawn l-aħħar ġranet, xi nies innutaw tranżazzjonijiet li ma kinux għamluhom huma fil-kontijiet tagħhom tal-HSBC. Uħud innutaw li kienu nġibdu xi flus mill-kont tagħhom, min ta’ ammont żgħir ta’ flus bħal €4 jew €7.50, u min ta’ €180. Oħrajn kellhom tranżazzjonijiet fuq il-kont tagħhom fuq Revolut b’rabta mal-kont bankarju tal-HSBC li ma kinux għamluhom huma. Uħud mit-tranżazzjonijiet jidher li saru f’postijiet fejn il-klijenti jafu fiċ-ċert li ma kinux, saħansitra barra minn Malta.

Meta kkuntattjaw lill-bank, ġew infurmati li kien hemm “glitch” fis-sistema. Madankollu, Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-bank illum, u kelliema għall-HSBC spjegat li dawn ir-rapporti qegħdin jiġu investigati.

Aktar tard illum l-HSBC ħareġ stqarrija li tgħid li lbieraħ kien hemm diffikultà teknika f’sistema interna tal-IT li kellha impatt fuq numru ta’ tranżazzjonijiet li saru fid-29 ta’ Diċembru bil-karta tad-debitu.

Minħabba din il-kwistjoni, xi tranżazzjonijiet ta’ klijenti wrew dettalji mhux korretti, bħall-isem tal-istabbiliment u d-data tat-tranżazzjoni. F’xi każijiet, l-aċċessibilità għall-fondi ġiet affettwata. Madankollu, it-tranżazzjonijiet infushom, kif ukoll il-valur tagħhom huma korretti. Il-bank assigura li t-tranżazzjonijiet kienu ġġenerati b’mod leġittimu mill-klijenti stess.

Il-bank żied jgħid li bħalissa qed jaħdem biex isolvi s-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun u jixtieq iserraħ moħħ il-klijenti li l-kontijiet bankarji u l-fondi tagħhom ma ġewx kompromessi.

We would like to inform our customers that we have experienced an internal IT system issue which affected a number of…

Posted by HSBC on Saturday, January 2, 2021