L-HSBC iżid il-qligħ “hekk kif l-istrateġija żżid ir-ritmu”

It-tliet taqsimiet ewlenin tal-bank, Retail Banking and Wealth Management, Commercial Banking u Global Markets, komplew jagħmlu l-qligħ matul il-perjodu tal-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.

Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rapport finanzjarju annwali tal-HSBC.

Andrew Beane, Direttur u Uffiċjal Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta p.l.c., qal: “Dawn hu sett ta’ riżultati tajbin hekk kif il-bank lesta b’suċċess it-twettiq tal-istrateġija tiegħu ta’ mmaniġġjar tar-riskju  u issa qabad ritmu li, kull ma jmur, qiegħed jiżdied. Strateġikament, issa qed niffukaw fuq li nwasslu servizz ta’ klassi dinjija biex nappoġġjaw it-tkabbir.

Il-progress fil-ħidma tar-retail banking hu aħjar minn dak li konna qed nistennew bil-kisba ta’ sehem sinifikanti mis-suq permezz ta’ klijenti ġodda kif ukoll b’self ġdid fuq djar, u dan mingħajr ma żdied l-aptit għar-riskju. It-taqsima tar-Retail Banking se tibbenefika ukoll minn numru ta’ innovazzjonijiet diġitali li l-bank se jniedi fit-tieni nofs ta’ din is-sena.

Wara t-tlestija ta’ ħidma sinifikanti fl-immaniġġjar tar-riskju, it-taqsima tal-Commercial Banking issa stabbilizzat ruħha filwaqt li tjiebet  il-prestazzjoni tal-kumpanija tal-Assikurazzjoni tagħna. Dawn iż-żewġ taqsimiet jirrikjedu iktar xogħol biex iżidu l-profittabiltà, u l-Bord qed jiffoka fuqhom b’mod strateġiku. Varajna ukoll fond ta’ self ta’ kwart ta’ biljun ewro biex nagħtu sinjal lis-suq li t-taqsima kummerċjali tagħna reġgħet qiegħda tiffoka fuq it-tkabbir. ”

Hu żied: “Il-progress fil-kontroll tal-ispejjeż hu inkoraġġanti u l-bank hu impenjat li jkompli jnaqqas il-proporzjon tal-kosteffiċjenza tiegħu. Barra minn hekk, id-dixxiplina fil-kreditu li hu magħruf għaliha l-HSBC wasslet għal aktar tnaqqis fil-profil ta’ riskju tal-portafoll tagħna. Filwaqt li l-prestazzjoni ekonomika u l-prospetti ekonomiċi ta’ Malta jibqgħu pożittivi, aħna qed inħejju lill-bank għal ċiklu ekonomiku fit-tul filwaqt li nibqgħu prudenti milli nkunu esposti għal setturi ta’ riskju ogħla, bħalma hu dak ta’ proprjetà immobbli ta’ kumpaniji. Aħna nilqgħu l-azzjonijiet li qed jittieħdu mill-awtoritajiet lokali biex jirriformaw il-prattiċi tal-insolvenza tal-kumpaniji u nawguraw li dawn jitlestew malajr.  Il-kapaċità tal-bank li juża aħjar il-kapital tiegħu biex jappoġġja s-self fl-ekonomija u, jekk ikun il-każ, li joffri dividendi ogħla se tiżdied b’mod sinifikanti ladarba dawn ir-riformi jkunu lesti.”

Andrew Beane kkonkluda: “Fl-aħħarnett, kif inhu l-każ ta’ kull Bank Domestiku Sistemikament Importanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, l-HSBC jinsab fi stadju bikri tad-diskussjonijiet mas-Single Resolution Board tal-Bank Ċentrali Ewropew bil-għan li jifhem ir-rekwiżiti li se jkunu applikabbli għar-Required Eligible Liabilities ġodda. L-obbligazzjonijiet, komunement magħrufa bħala MREL, x’aktarx li ser iżidu r-rekwiżiti għall-kapital fis-settur u l-bank biħsiebu jipprovdi aktar dettalji mar-riżultati annwali tal-2019 hekk kif dawn ir-rekwiżiti jkunu aktar ċari.”