L-HSBC isostni l-istess pożizzjoni dwar it-tluq minn Malta

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM) tal-HSBC Bank Malta p.l.c, il-Kap Eżekuttiv Andrew Beane insista li l-bank mhux se jkun qed jikkummenta fuq spekulazzjonijiet tal-midja.
Fi stqarrija mill-bank, ingħad li Beane iddikjara wkoll li l-bank qed jopera fuq bażi normali u m’għandu l-ebda informazzjoni li teħtieġ li ssir stqarrija tal-kumpanija dwarha.
Wara rapport ta’ Bloomberg li ħareġ fl-4 ta’ April li qal li l-HSBC Holdings Plc jaf jagħlaq jew ibigħ l-operat tiegħu f’numru ta’ pajjiżi inkluż f'Malta, kelliem għall-HSBC Bank Malta kien qal li l-bank “ma jikkummentax dwar xnigħat”.
Ir-rapport ħareġ wara li l-Kap Eżekuttiv, John Flint u ċ-Ċermen Mark Tucker qalu li qed jikkunsidraw illi jnaqqsu l-involviment globali tal-kumpanija, u bdiet tissemma l-possibiltà li Malta tkun waħda minnhom.
Sorsi qrib l-operat tal-HSBC Holdings Plc kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-istrateġija ta’ kif se jkun qed jopera l-HSBC Holdings Plc, u li qed jaħdem fuqha l-Kap Eżekuttiv, John Flint, se toħroġ f’Awwissu jew wara l-analiżi tal-operat tal-kumpanija għall-ewwel nofs tas-sena.
Għaldaqstant, skont Jesmond Mizzi, id-Direttur Ġeneral ta’ Jesmond Mizzi Financial Services Limited, l-għada ta’ meta ħarġet l-aħbar, il-prezz tal-HSBC f’Malta waqa’ bi 2% u spjega li kien ukoll l-iktar entità likwida għall-ġurnata.