L-HSBC irawwem negozji Maltin biex jirnexxu barra minn Malta

HSBC Bank Malta p.l.c. ħoloq spazju għall-laqgħat fi TradeMalta, l-aġenzija għall-promozzjoni tal-esportazzjoni ta’ Malta. Dan se jkun miftuħ għal klijenti li jridu jiskopru opportunitajiet internazzjonali f’dinja kummerċjali li, kull ma jmur, qed tinbidel.

Il-kamra tal-laqgħat tinsab fil-bini ta’ TradeMalta f’Tigné Point, Tas-Sliema. Hu ttamat li dan l-ispazju jservi bħala inkubatur ta’ ideat għal negozji li jfittxu s-servizzi ta’ TradeMalta.

Dan l-iżvilupp hu sinjal ċar ta’ relazzjoni li dejjem qed tikber bejn HSBC Malta u TradeMalta. Iż-żewġ entitajiet, dan l-aħħar, ġeddew il-ftehim ta’ appoġġ strateġiku għal tliet snin oħra. Il-ftehim jara liż-żewġ partijiet jaħdmu fuq bosta proġetti konġunti, inklużi seminars speċifiċi għall-pajjiżi partikulari, programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni, kif ukoll missjonijiet ta’ kummerċ barra minn Malta.

“Nagħrfu r-rwol li għandha l-kollaborazzjoni biex ikunu introdotti ideat ġodda f’xenarju ta’ kummerċ globali li qed jinbidel. L-HSBC hu impenjat li jappoġġja innovazzjonijiet tan-negozju u tal-esportazzjoni. Għalhekk, irridu nkomplu r-relazzjoni b’saħħitha u stabbilita tagħna ma’ TradeMalta,” qal Michel Cordina, Direttur Eżekuttiv u Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju tal-HSBC Malta.

L-HSBC hu ukoll l-isponsor strateġiku tal-‘Malta International Business Awards’ (MIBA) ta’ TradeMalta, li se jsiru għat-tieni darba fl-2019.

Dawn il-premjijiet huma l-idea ta’ TradeMalta, u għandhom l-appoġġ strateġiku ta’ HSBC Malta. L-inizjattiva tgawdi l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-isponsorjar tad-ditta tal-awdituri Grant Thornton, u s-sħubija għall-pubbliċità tal-aġenzija BPC International Ltd, kif ukoll tal-kumpanija arkitettonika Big Exhibits.

L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sal-5 ta’ filgħaxija tal-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju 2019, filwaqt li l-finalisti jitħabbru fil-31 ta’ Lulju. Ir-rebbieħa mbagħad isiru magħrufa waqt ċerimonja fit-22 ta’ Novembru.

Il-premjijiet huma miftuħa għal dawk l-impriżi kollha bi storja internazzjonali tajba, kemm jekk huma esportaturi ta’ prodotti, fornituri ta’ servizzi, franchisors, inkella negozji internazzjonali li l-uffiċċju ewlieni tagħhom jinsab f’Malta. Il-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem f’aktar minn kategorija waħda.

Applikazzjonijiet minn trademalta.org.