​L-HSBC iħabbar inqas qligħ imma jżid id-dividendi

L-HSBC irrapporta qligħ qabel it-taxxa ta’ €49.8 miljun għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ €12.4 miljun jew 19.9% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Fi stqarrija, il-Bank qal li jikkonferma li l-mudell ta’ negozju u l-programm ta’ bidla fl-immaniġġjar tar-riskju tiegħu sostanzjalment twettqu fl-2017 u dawn waslu għal tnaqqis fil-qligħ fuq perjodu qasir. HSBC ħabbar dividend straordinarju ta’ €20 miljun biex jippremja lill-azzjonisti ladarba sar progress b’saħħtu fit-twettiq tal-pjan strateġiku tal-bank.
Il-qligħ qabel it-taxxa jinkludi tliet elementi li huma elementi notevoli u li huma esklużi mir-riżultati aġġustati peress li dan il-pass hu meqjus bħala riflessjoni iktar ċara tal-prestazzjoni tal-maniġment.
Punti oħra li spikkaw:
• Qligħ aġġustat qabel it-taxxa, eskluż l-effett ta’ elementi notevoli, kien ta' €55.6 miljun, 9.5% inqas mis-sena 2016.
• Id-dividend finali nett għall-2017 kien ta' €40.2 miljun, żieda ta' 54% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan jinkludi dividend speċjali li jammonta għal €20 miljun biex ikun imqassam minn surplus fi dħul miżmum. 
• Il-common equity tier 1 ratio żdied għal 13.9% fil-31 ta' Diċembru 2017 minn 13.2% fil-31 ta’ Diċembru 2016. It-total capital ratio kien 14.4% fil-31 ta' Diċembru 2017, meta mqabbel ma' 14.2% fil-31 ta' Diċembru 2016.
• Il-cost efficiency ratio aġġustat kien ta' 66.2%, meta mqabbel ma' 58.7% fis-sena 2016.
• Ir-ritorn aġġustat fuq l-ekwità għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 kien ta' 7.2% meta mqabbel ma' 8.4% fl-2016.
• Dħul għal kull sehem ta' 8.6 ċenteżmi meta mqabbel ma' 11.2 ċenteżmu tal-2016.
• Ir-ratio fil-likwidità bejn is-self u d-depożiti baqa’ stabbli fil-livell ta’ 65.6%
• Is-self u l-avvanzi netti lill-klijenti kienu €3,129 miljun, 5.8% inqas meta mqabblin mal-2016.
• Id-depożiti tal-klijenti naqsu b'4.7% għal €4,766 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2017.