L-HSBC bi qligħ ta’ €25.9 miljun

Il-Bank HSBC irreġistra qligħ ta’ qabel ma taqta’ t-taxxa ta’ €25.9 miljun fl-ewwel sitt xhur tas-sena.
Dan ifisser li fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra, l-HSBC rreġistra tnaqqis ta’ €15.4 miljun, jew 37%.
Ir-riżultati irreġistrati għall-ewwel sitt xhur tal-2016 inkludew il-qligħ mad-disponiment ta' €10.8m li rriżulta mill-bejgħ tas-sħubija tal-bank f'Visa Europe. Dan kien avveniment sinjifikanti, u għalhekk id-dħul relatat ma' din it-tranżazzjoni hu eskluż mir-riżultati aġġustati biex b’hekk tkun analizzata l-prestazzjoni tan-negozju.
Il-bank qal fi stqarrija li l-prestazzjoni matul l-ewwel sitt xhur tal-2017 intlaqtet ħażin minn rati persistenti ta' imgħaxijiet baxxi, azzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju, u spejjeż miżjuda rigward konformità regolatorja iżda kienet konformi mal-aspettattivi tal-maniġment.
It-tliet oqsma ewlenin tan-negozju, Retail Banking & Wealth Management (RBWM), Commercial Banking (CMB) u Global Banking & Markets (GBM), ilkoll kemm huma għamlu qligħ fl-ewwel sitt xhur tal-2017.
Filwaqt li l-ħlas tad-dividend inżamm fil-livell ta’ 65%, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC, Andrew Beane, qal li l-prestazzjoni matul l-ewwel nofs tas-sena kienet konformi mal-aspettattivi tal-maniġment.
Ritratt: Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank HSBC, Andrew Beane