​L-HIV mhix kundanna għall-mewt – Il-psikjatra Joe Cassar

Il-psikjatra Joe Cassar qal li f’każi t a’ mard serju trażmess sesswalment, il-pazjenti jkollhom sens qawwi ta’ mistħija.
Huwa qal dan waqt li kien qed jikkummenta dwar il-każ ta’ ‘Joseph’ li fil-Programm Follow Up immexxi minn Sylvana Debono, kien fetaħ qalbu dwar dak li għadda minnu meta ħa l-HIV waqt kuntatt sesswali każwali.
Dr Cassar qal li f’każi bħal dawn, partikolarment meta l-pazjent ikun f’relazzjoni stabbli, dan jgħaddi minn sens kbir ta’ iżolament u solitudni. Huwa qal li Joseph iddeskriva tajjeb is-sitwazzjoni meta qal li ‘tħoss id-dinja taqa’ fuqek’.
Dr Cassar qal li f’każi fejn il-pazjent ikun f’relazzjoni stabbli u jkun ittradixxa lis-sieħeb jew sieħba tiegħu/tagħha, minbarra s-solitudni imsawra mill-istigma li hemm dwar il-marda tal-HIV, hemm ukoll is-sens ta’ ħtija u ta’ mistħija kif ukoll sens ta’ sfortuna. Dan tal-aħħar jaħkem partikolarment meta l-persuna tkun wettqet tradiment ta’ darba u tkun dik id-darba li fiha tieħu l-virus.
L-HIV, bħal mard serju ieħor, ikollu impatt sinifikanti fuq l-istil ta’ ħajja tal-pazjent. Dr Cassar qal li l-HIV però, għandha ħabta taffettwa wkoll il-familja jew in-nukleu familjari kollu.
Dan għaliex minbarra li l-familja tkun trid tiġġieled il-marda, tkun ukoll trid tipprova ssalva r-relazzjoni familjari li minħabba din it-trasgressjoni tkun ġiet mhedda.
Fakkar fl-importanza li kemm il-pazjenti kif ukoll dawk qribhom ifittxu għajnuna professjonali sabiex ikunu jistgħu jagħmlu sens minn dak li jkunu għaddejjin minnu.
Temm jgħid li l-HIV, li fl-imgħoddi kienet kundanna għall-mewt, illum hija marda li timmaniġġjaha bħalma timmaniġġja d-dijabete u kundizzjonijiet oħra.