L-għotja tal-inbid lil Muscat se tkun investigata – il-Kummissarju

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler ikkonferma li l-għotja tal-inbid lill-Prim Ministru Joseph Muscat mis-Sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech se tkun qed tiġi investigata minnu.

Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt fejn spjega li min-nhar it-Tnejn li ġej se jkun qed jirritorna lura Malta bl-iskop li jibda billi jħares lejn it-talba tal-kandidat indipendenti Arnold Cassola.

Wara l-istorja dwar l-arloġġ tal-Bvlgari li Muscat irċieva bħala rigal mill-istess Fenech, il-Prim Ministru reġa’ spiċċa fil-lenti tal-kritika meta f’dawn l-aħħar jiem rapporti qalu li hu ngħata tliet fliexken inbid Petrus li hu mifhum li jiswew eluf ta’ ewro, minn Yorgen Fenech. Fenech qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qed jingħad li hu tah dawn il-fliexken tal-inbid waqt riċeviment li sar f’għeluq sninu.

F’intervista fuq One Radio, Muscat kien qal li r-rigali ta’ valur li ma setgħux jiġu rrifjutati baqgħu jinżammu għand l-Istat. Hu kien qal li kemm-il darba bagħat lura n-nies li ġew b’rigali li jiswew il-flus. Fl-intervista Muscat qal ukoll li l-aħħar rapporti fuqu huma frott ta’ theddid u kampanja ta’ tfigħ it-tajn. Muscat qatt ma ċaħad li rċieva dan ir-rigal.

Hyzler sostna li t-talba għal investigazzjoni dwar l-inbid mhix waħda frivola.

Intant hu spjega mill-ġdid kif fil-każ tat-talba għal investigazzjoni fl-arloġġ li jiswa €20,000 u li kien rigal mingħand l-istess Fenech, hemm każ differenti. Sostna li dan il-każ ma jistax jiġi investigat minnu hekk kif dan seħħ lura f’Diċembru tal-2014, jiġifieri qabel ma hu kien ħa l-kariga tiegħu bħala Kummissarju għall-Istandards.

Il-kariga tal-Kummissarju daħlet fil-liġi fl-2018 u ma għandhiex poter tinvestiga dak li ġara qabel ma l-kariga daħlet fis-seħħ.