L-għoti tal-Miżieb u l-Aħrax lill-FKNK “eżerċizzju ta’ xiri ta’ voti” – AD/PD

L-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku sejħu l-għoti tal-Miżieb u l-Aħrax lill-kaċċaturi “eżerċizzju ieħor ta’ xiri ta’ voti minn partit li biddel lilu nnifsu f’organizzazzjoni opportunista, mingħajr prinċipji u bla sens ta’ mistħija ta’ xejn.”

Din kienet ir-reazzjoni tal-AD/PD għall-aħbar li fil-jiem li ġejjin il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia se jagħtu ż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax fil-Mellieħa lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK). L-aħbar qajmet rabja kbira fost l-attivisti, l-ambjentalisti u l-pubbliku inġenerali.

L-AD/PD fakkru li dawn iż-żoni huma art pubblika msaġġra li fiha ħames darbiet id-daqs tal-Buskett. Huma kkritikaw ukoll lill-Oppożizzjoni għaliex qalu li din tibqa’ ma tagħmel xejn minkejja li tikkritika u tevalwa s-sitwazzjoni.

Il-kelliem ta’ AD Luke Caruana qal li l-Miżieb u l-Aħrax huma magħrufin għall-kaċċa illegali u huma mmaniġġjati b’mod ħażin mill-organizzazzjoni tal-kaċċaturi. Skontu, l-uniku għan tal-FKNK huwa li taqdi “l-interessi dojoq u egoisti tal-membri tagħha, u tikkontribwixxi għal aktar degradazzjoni tal-kampanja Maltija.” Min-naħa l-oħra, Marcus Lauri, f’isem il-PD qal li l-AD u l-PD jappoġġjaw is-sejħa tal-NGOs ambjentali u soċjali biex il-Miżieb u l-Aħrax ikunu immaniġġjati professjonalment minn entità pubblika bħal Ambjent Malta.

“Il-kultura ta’ ftehimiet sigrieti trid tintemm” – FAA

L-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li l-kultura ta’ ftehimiet sigrieti trid tintemm. Sostniet li s-segretezza f’dan il-ftehim tindika li sar b’xi aġenda politika moħbija.

Hija ssuġġeriet li jkun hemm bħal reġistru tal-art li jkun trasparenti u disponibbli għal kulħadd. Dan ikun jirrispetta d-dritt tal-pubbliku inġenerali li jgawdi dawn iż-żoni pubbliċi billi jmur passiġġata fihom, jagħmel pikniks, camping, eċċ.

Extinction Rebellion b’appell biex il-ftehim jerġa’ jiġi kkunsidrat

L-NGO Extinction Rebellion appellat lill-Ministru għall-Ambjent biex jerġa’ jikkunsidra dan il-ftehim mal-FKNK. Appellat ukoll għall-pubblikazzjoni tal-ftehim tal-Gvern mal-FKNK, sabiex, pereżempju, ikun iċċarat jekk il-pubbliku hux se jkollu aċċess għal dawn iż-żoni waqt l-istaġun tal-kaċċa.

Hija wissiet lill-Gvern li jekk dawn iż-żoni jingħataw lill-FKNK b’mod legali, il-kaċċaturi se jagħmlu dawn iż-żoni tagħhom u dan ikun ta’ għajb għall-ambjent naturali.

Il-fehma ta’ Żminijietna

Żminijietna – Leħen ix-Xellug qalet li l-Ministru għall-Ambjent u l-ERA għandhom jaħdmu favur ekosistema integra ta’ dawn iż-żoni u mhux bil-kontra, biex jogħġbu lill-kaċċaturi. L-għaqda qalet li r-regolamenti tal-kaċċa u l-ħinijiet f’żoni pubbliċi għandhom ikunu aktar stretti sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-kampanja, għall-bqija tal-ġurnata.