L-għoti tad-demm, l-alkoħol u l-baħar

Hekk kif is-sajf qiegħed fl-aqwa tiegħu, il-ħruġ u d-divertiment qiegħed jiżdied. Ħafna huma dawk li reġgħu qabdu joħorġu u jgawdu dawn il-jiem. Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi ħdan il-Kunsill dwar is-Sigurtà fit-Toroq flimkien ma’ Transport Malta nedew kampanja biex meta wieħed jixrob xorb alkoħoliku ma jsuqx kemm fit-toroq kif ukoll fil-baħar.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm spjega li fis-sajf hemm tendenza li jiġu kkunsmati aktar xarbiet alkoħoliċi li jinkludu l-birra u l-inbid. Kull min isuq u jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol ikun ta’ periklu kemm għalih kif ukoll għall ħaddieħor.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm kompla li filwaqt wieħed għandu dritt li jieħu gost għandu dmir li jirrispetta s-saħħa u l-ħajja ta’ ħaddieħor. Żiedu li l-abbuż iwassal għal inċidenti gravi u dan iħarbat ir-riserva tad-demm għad-detriment tal-persuni vulnerabbli li jeħtieġu trasfużjonijiet tad-demm spissi.

Huma appellaw biex min se jikkonsma xorb alkoħoliku ma jsuqx. Dawk li huma fiżikament b’saħħithom huma mħeġġa biex jagħtu d-demm:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm
  • Fil-mobile blood donation unit li l-Ħadd 19 ta’ Lulju se jkun fil-wesgħa ta’ quddiem il-Kolleġjata ta’ Marija Bambina, In-Naxxar. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm huwa mit-8:30am sas-1:00pm.
  • Fil-Berġa tax-Xewkija li l-Ħadd 19 ta’ Lujlu se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed jieħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jixtieq ifakkar li minħabba l-imxija tal-COVID-19 qegħdin jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kull min imur jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz.