L-għoli tal-ħajja u s-snajja’ diskussi bejn il-unjins u l-kandidati

ForUM

Il-Forum Unions Maltin (ForUM) iddiskuta l-għoli tal-ħajja u s-snajja’ fost temi oħra mal-kandidati tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Dan sar waqt laqgħa li l-ForUM organizzat ma’ numru ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-ForUM iddiskutiet l-isfidi fil-qasam tax-xogħol u kif dawn jolqtu lill-ħaddiem f’attivita’ li fiha kienu mistiedna sitt kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-President tal-Forum Marco Bonnici semma diversi wegħdiet politiċi fosthom il-wegħda elettorali li s-sick leave jkun jista’ jintuża’ wkoll f’każ li ħaddiem ikollu xi qraba ma jifilħux. Semma wkoll aspetti oħra fosthom il-leave tal-paternità, il-bilanċ bejn l-impjieg u l-familja u l-kumpens għall-btajjel li jaħbtu matul il-weekends.

Fid-dibattitu nnifsu ġew diskussi numru ta’ suġġetti, fosthom il-bilanċ bejn il-ħaddiem u min iħaddem, il-bżonn tas-snajja’ li dejjem qegħdin jintilfu u l-gender pay gap fejn hemm sitwazzjoni fejn mara li tagħmel l-istess xogħol xi drabi titħallas inqas minn raġel. Kienu diskussi wkoll l-għoli tal-ħajja, li dejjem qed tiżdied filwaqt li l-pagi tal-ħaddiema m’humiex jiżdiedu bl-istess rata, u kif ukoll id-diġitalizzazzjoni..

Fid-diskussjoni pparteċipaw il-kandidati Anthony Buttigieg (PD), Mina Tolu (AD), Miriam Dalli (PL), Frank Psaila (PN), Alex Agius Saliba (PL), Roselyn Borg Knight (PN) u Chris Attard f’isem For.U.M..