L-għeruq baqgħu sodi

L-insara li jgħixu fil-Lvant Nofsani b’kollox jammontaw għal 14,525,880. Dawn jgħixu f’Ċipru, l-Eġittu l-Iraq, Israel, il-Gordan, il-Libanu, iċ-Ċisġordania, l-Istrixxa ta’ Gaza, is-Sirja, it-Turkija l-Belt Imqaddsa ta’ Ġerusalemm.  Il-popolazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi kollha flimkien hi ta’ 258 miljun persuna.  Dawn iċ-ċifri ta’ nofs din is-sena juru li l-insara naqsu b'213,780.
Dan ifisser li l-għeruq insara ta’ dawn il-pajjiżi baqgħu sodi minkejja l-ħafna gwerrer, massakri u traġedji li għaddew minnhom f’dawn l-aħħar snin.
Dan ħareġ minn stqarrija minn aġenzija mwaqqfa mill-Papa Piju XI biex tgħin b’ħidma umanitarja u pastorali lill-foqra fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq, l-India u l-Ewropa tal-Lvant.
Ir-rapport isegwi l-moviment li l-insara ta’ dawn il-pajjiżi kellhom jagħmlu f’dawn l-aħħar snin minħabba d-diversi ġrajjiet traġiċi li seħħew, fosthom il-gwerra fis-Sirja u l-Iraq, il-wasla tal-ISIS fir-reġjun li farrku l-benniena tal-Kristjaneżmu u wasslu biex ħafna nsara jitilqu minn pajjiżhom u jeżiljaw ruħhom f’pajjiżi viċin.
Meta mqabbel mal-imgħoddi dawn iċ-ċifri juru li l-insara naqsu ferm aktar minn hekk. Per eżempu:
Fl-2010 fis-Sirja kien hemm 2.2 miljun nisrani u llum hemm 1.2 milun;
Fl-1910 fl-Eġittu kien hemm 19% tal-popolazzjoni li kienu nsara u llum huma 10%;
Fil-Lebanon fl-1932 53% talp-popolazzjoni kienet nisranija u llum hemm biss 40%;
F’Ġerusalemm fl-1946 kien hemm 20% nsara u llum huma anqas minn 2%; u
Fil-Palestina minn 20% fl-1948 illum niżlu għal 1.2%.
Madankollu hu evidenti li minkejja dak li għaddew minnu dawn il-pajjiżi u l-popli tagħhom, il-fidi nisranija għandha għeruq sodi ħafna li nżammu ħajja mill-komunitajiet  l-knejjes tal-lokal u issa hemm tama li la l-affarijiet bil-mod il-mod jirritornaw għan-normal anke l-insara jirritornaw lejn dawn il-pajjiżi.