L-għaxar kmandamenti tal-kowċ Luis Enrique

Wara li Luis Enrique ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim ta’ Barċelona bħala kowċ, nhar il-21 ta’ Mejju li għadda, issa ħareġ l-għaxar kmandamenti għall-plejers tiegħu.
Luis Enrique li lagħab mal-istess Barċelona bejn l-1996 u l-2003, u li kien ukoll il-captain tat-tim, se jkompli juri rispett lejn dan il-klabb billi jdaħħal ftit dixxiplina mal-plejers.
Dawn l-għaxar regolamenti li jridu jiġu rispettati mill-plejers kollha, jvarjaw mill-puntwalità, għall-projbizzjoni ta’ sport ieħor perikoluż u l-użu korrett tas-siti tas-social network.
Il-lista sħiħa hija din:
1. Il-plejers iridu jkunu waslu sas-siegħa qabel il-bidu tat-taħriġ.
2. Mhux permess assolutament xorb alkoħoliku waqt l-ikel.
3. Il-plejers iridu jkunu daħlu d-dar sa’ nofsillejl meta jkun fadal jumejn għall-logħob.
4. Kull imġiba b’nuqqas gravi kontra d-dixxiplina tista’ twassal għat-tkeċċija mill-klabb.
5. Kull dikjarazzjoni li ssir mill-plejers trid tkun rispettabli.
6. Fejn ikun hemm bżonn jiddaħħlu multi bejn elf u sitt elef ewro.
7. Waqt is-safar u fejn allura l-plejers qed jidhru f’isem il-klabb, iridu jkunu libsin bl-ilbies uffiċjali tal-klabb.
8. Is-siti tas-social network iridu jiġu wżati b’mod responsabbli.
9. Mhux permess li jsir kull sport perikoluż ieħor bħal irkib fuq il-mutur, alpinismu u għads.
10. Il-flus miġbura mill-multi msemmija aktar qabel imorru kollha għall-benefiċjenza.
Il-kowċ Spanjol Luiz Enrique ried li jagħmel dawn l-għaxar regolamenti bil-miktub, sabiex jiġu osservati bla riżervi.
Min jaf kieku kowċis oħra jieħdu wkoll dawn l-għaxar kmandamenti u jużawhom ma’ ċerti plejers, li ftit li xejn għandhom sens ta’ dixxiplina!