“L-Għawdxin ukoll għandhom jagħtu messaġġ ċar ta’ bidla fid-direzzjoni” – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li dan huwa mument storiku għall-Għawdxin daqs kemm hu għall-Maltin, u għalhekk l-Għawdxin ukoll għandhom jibagħtu messaġġ ċar ta’ bidla fid-direzzjoni nhar is-Sibt li ġej. L-Għawdxin u l-Maltin għandhom juru li m’hawn imkien ta’ xi partit jew ieħor iżda li Malta hija ta’ kulħadd. F’attività politika fir-Rabat, Għawdex, Dr Muscat qal li ħaddieħor huwa mehdi fl-assassinju tal-karattru, filwaqt li l-Partit Laburista mehdi bil-kampanja pożittiva.

Waqt li tkellem dwar il-proposti tal-Partit Laburista li qal li huma realistiċi u jistgħu jitwettqu, Dr Muscat qal li l-previżjonijiet għal tkabbir ekonomiku permezz tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista, qed imerihom kulħadd.

Dwar ix-xogħol, il-Mexxej Laburista qal li għal ħdax–il xahar konsekuttiv reġa żdied il-qgħad, pero l-Prim Ministru mhux qiegħed jirrikonoxxi dan. Żied li m’għadux żmien tal-politika tal-passat, fejn ta’ xi ħadd kollox tajjeb u tal-ieħor kollox ħażin. Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-proposta Laburista għall-qasam tal-enerġija u fisser li permezz tagħha ser issir injezzjoni ta’ €77miljun fis-sena fl-ekonomija ta’ Malta. Dan qal li se jfisser li n-nies se jkollhom aktar flus fil-but, wara li se jgawdu minn roħs medju ta’ 25%, l-istess in-negozji.

Il-Mexxej Laburista temm jgħid li l-pajjiż ser ikollu iktar riżorsa sabiex jinvesti fis-saħħa, fosthom anke f’Għawdex, fejn pażjenti tal-kanċer qal li ser jibdew jinqdew f’Għawdex stess għall-kimoterapija.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.