“L-Għawdxin ma jaħslux snienhom tajjeb” – studju

Facebook - The Mobile Dental Clinic - University of Malta

Grupp ta’ xjentisti qalu li l-Għawdxin ma jaħslux snienhom b’mod tajjeb jew frekwenti biżżejjed.

Dan ħareġ minn studju dwar is-saħħa orali f’Għawdex ippubblikat illum fil-ġurnal xjentifiku Xjenza. L-istudju sar fuq 332 residenti Għawdxin matul perjodu ta’ 3 xhur f’14-il lokalità differenti.

Ix-xjentisti qalu li l-komunità Għawdxija hija nieqsa ħafna mit-trattamenti għas-snien li għandha bżonn. “Dan juri l-bżonn ta’ servizzi aħjar f’Għawdex u strateġiji ta’ prevenzjoni għat-tfal tal-iskola” żiedu jgħidu x-xjentisti. Ir-riżultat ta’ dan l-istudju żvela li s-saħħa orali f’Għawdex hija nieqsa u mhix qed tilħaq il-miri stabbiliti. Ix-xjentisti qalu li l-istudju ma jirrappreżentax il-poplu Għawdxi sħiħ u li allura wieħed jista’ jgħid li s-sitwazzjoni tista’ saħansitra tkun aktar gravi minn hekk.

Ix-xjentisti qalu li l-iġjene orali tal-pazjenti Għawdxin mhix kompletament effettiva – riżultat ta’ ħasil ta’ snien ineffiċjenti. Ikkonkludew li l-Għawdxin ma jaħslux snienhom b’mod tajjeb u frekwenti biżżejjed.

Bagħtuhom l-emerġenza

Mill-pazzjenti li marru għall-appuntament, 78% kellhom bżonn trattament mhux urġenti, 19% kellhom bżonn trattament ta’ rutina, u 3% kellhom bżonn kura urġenti. Dawn tal-aħħar intbagħtu għal trattament ta’ emerġenza fl-isptar.

Instab li 76.8% tal-pazjenti kellhom plaque deposits. Dan jirreferi għall-bakteria li jkun hemm fil-ħalq bejn is-snien li jkollu kulur kannella jew safrani. Kien hemm 28% tal-parteċipanti li kellhom sinjali ta’ erożjoni.

Clinic forma ta’ trakk

Għal dan l-istudju ntuża l-Mobile Dental Unit (MDU) li huwa proġett tal-Fakultà tad-Dentisti fl-Università ta’ Malta. Tnieda fl-2015. Jikkonsisti fi trakk li jintuża’ bħala klinik li jista’ jmur minn post għall-ieħor.

F’dan l-istudju, 182 mill-pazjenti kienu nisa (55%) u 150 (45%) kienu rġiel. L-età medja kienet ta’ 36 sena. Tmienja fil-mija tal-parteċipanti qalu li jpejpu. Tista’ taqra l-istudju sħiħ minn hawn. L-istudju sar minn Anne-Marie Agius, Ethel Vento Zahra, Emad Alzoubi, Maria Luisa Gainza-Cirauqui, Gabriella Gatt, u Nikolai Attard.

Kif għandek taħsel snienek?