L-Għawdxin għadhom bla risposta – il-PN

Beppe Galea

Il-Partit Nazzjonalista qal li wara aktar minn ħmistax-il ġurnata, il-Gvern għadu ma weġibx għall-mistoqsijiet dwar Għawdex. Fi stqarrija, il-PN qal li n-nuqqas ta’ informazzjoni qed twassal għal inkwiet u inċertezza fost l-Għawdxin.

Il-mistoqsijiet tal-PN kienu dwar l-anzjani li minn Sant’Anna kellhom jittieħdu ġo lukanda, l-ammont ta’ ventilators u sodod disponibbli fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-protezzjoni li qed tingħata lill-istaff mediku u lix-xufiera tal-ambulanzi.

Il-PN qal li sal-lum l-anzjani għadhom ma ġewx trasferiti mir-Residenza Sant’ Anna għal lukanda fiċ-ċentru tar-Rabat.

Qal ukoll li sal-lum il-120 sodda mwiegħda li kellhom jiżdiedu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għadhom ma jeżistux.

Il-PN faħħar l-inizjattiva li ħa l-Isqof ta’ Għawdex flimkien mal-kleru Għawdxi li jiġbru flus biex jinxtara ventilator għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, iżda qal li għadd hemm mistoqsijiet dwar x’qed jagħmel Steward Health Care biex jassigura li jkun hemm ammont xieraq għall-popolazzjoni f’Għawdex. Il-PN staqsa jekk il-Gvern hux qed jistrieħ biss fuq il-karità.


Il-PN insista li t-testijiet tas-swab tests li jsiru f’Għawdex għandhom jiġu ttestjati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-PN spjega li dan biex ma jinħeliex ħin u riżorsi umani prezzjużi. 

L-istqarrija kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said u mid-deputati Għawdxin l-oħra Kevin Cutajar u Fredrick Azzopardi.