L-Għawdxija Ruth Portelli llejla f’kompetizzjoni fil-Bulgarija

Ritratt: J.J. Chircop

Ilbieraħ filgħaxija kellna lil Michela minn Għawdex fil-finali tal-Eurovision Song Contest fl-Iżrael, u llejla Għawdxija oħra, is-sopran Ruth Portelli se tkun qed ixxejjer il-bandiera Maltija f’kompetizzjoni mużikali internazzjonali oħra: Id-Discovery International Pop Music Festival.

Illejla, Ruth Portelli se tkun qed tieħu sehem b’żewġ kanzunetti: Determinata, ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna, u Think of Me, mill-musical Phantom of the
Opera.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fid-Discovery International Pop Music Festival minn dejjem kienet regolari b’għadd ta’ artisti fosthom Marvic Lewis u Mark Tonna fis-Snin Disgħin kif ukoll Olivia Lewis, Julie Zahra, Ludwig Galea, Roger Tirazona, Eleanor Spiteri, Janvil, Domenique, Deborah C u Janice Mangion matul is-Snin Elfejn.

Mill-bidu tiegħu lura għas-sena 1992, id-Discovery International Pop Music Festival ra diversi artisti mill-Ewropa jiksbu fama fosthom l-eks rappreżentanti tal-Junior Eurovision Song Contest Alina Eremia u Marios Tofi; l-istilla ikonika tal-pop Rumena, Laura Stoica, u l-eks-rappreżentanti tal-Eurovision Song Contest, Luminita Anghel, Nico, Aleksandra u Konstantin, Mihai Traistariu fost l-oħrajn.

Nawguraw lil Ruth kull suċċess fil-kompetizzjoni tal-lejla.