“L-għatx għad-demm moħbi taħt l-għajta għall-ġustizzja” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech saħaq li taħt l-għajta għall-ġustizzja jissuspetta li jkun hemm moħbi l-għatx għad-demm ta’ min ikun żbalja.
Waqt l-omelija tal-funeral tal-Kanonku Ġużepp Said fin-Nadur, l-Isqof stqarr li bħala bnedmin għandna t-tendenza li nemmnu biss f’ġustizzja vendikattiva u mhux dik restorattiva – fejn ikun hemm min jissielet biex jieħu ‘l hekk imsejħa pound of flesh mingħand min ikun għamillu xi azzjoni ħażina.
B’referenza għall-Vanġelu, l-Isqof Grech fakkar kif Ġesù ssostitwixxa l-għadd ta’ kmandamenti u regoli tal-Lhud bi kmandament wieħed: dak tal-imħabba.
Il-Vanġelu kien jirrakkonta kif San Ġużepp għażel il-liġi tal-imħabba fuq dik tal-kundanna, meta sar jaf li Marija kienet tqila minkejja li kienet għadha xebba.
Mons. Grech qal li Alla mhux se jkun qed jistenna lil Dun Ġużepp bil-ktieb tal-liġi f’idejh, iżda b’dirgħajh miftuħa, lest biex iħaddnu miegħu.
L-omelija tal-isqof kienet immirata li titkellem dwar ċirkustanzi fil-ħajja li jitfgħuk f’salib it-toroq, bl-għażla li jew timxi mar-regoli u l-liġijiet jew tagħlaq għajn waħda.
L-isqof Grech tkellem dwar kif kull funeral ta’ saċerdot ifakkru jġedded l-appell tiegħu biex il-komunità ekkleżjali titlob bi ħġara għall-vokazzjonijiet saċerdotali.
L-aħħar tislima għall-Kanonku Ġużepp Said saret ilbieraħ fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur. 
Ritratt: Mario Muscat