L-għasafar protetti kienu fil-mira fis-sigħat ta’ wara nofsinhar – BirdLife

Aktar minn 70% tal-għasafar protetti kienu fil-mira tal-kaċċaturi sa mill-15 ta’ Settembru. L-għasafar kienu sparati fis-sigħat ta’ wara nofsinhar u dan meta qabel kienu koperti wara t-tlieta ta’ wara nofsinhar.

Dan ħareġ minn rendikont mill-kamp Raptor li jieħu ħsieb il-migrazzjoni, il-moniteraġġ u l-attivitajiet tal-kaċċa illegali.

Intqal li fil-Ħarifa li għaddiet, fl-aħħar nofs ta’ Settembru, meta l-kaċċa kienet projbita wara t-tlieta ta’ wara nofsinhar, l-ammont ta’ tiri lejn għasafar protetti kien dak ta’ 17%, iżda issa dan żdied b’50%.

Christian Debono minn BirdLife Malta sostna li kważi tliet kwarti tal-għasafar protetti li kienu fil-mira tal-kaċċaturi kienu għasafar tal-priża.

Intqal li kull għasfur tal-priża f’Malta huwa protett skont il-liġi nazzjonali u dik internazzjonali. Hu mifhum li dawn l-għasafar huma l-aktar vulnerabli bejn it-tlieta ta’ wara nofsinhar u inżul ix-xemx minħabba li jtiru fil-baxx sabiex ifittxu postijiet fejn jistgħu jistrieħu matul il-lejl.