L-għasafar iwaqqfu titjira tal-Air Malta

Malta International Airport plc

Titjira tal-Air Malta minn Londra, Southend għal Malta kellha titħassar wara li l-ajruplan intlaqat minn xi għasafar.

Fuq Facebook, l-Air Malta qalet li t-titjira KM183 kellha titħassar wara ‘bird strike’ waqt it-tlugħ tal-ajruplan fl-ajru. Għaldaqstant il-Kaptan tal-Air Malta ordna biex it-titjira ma ssirx minħabba proċeduri ta’ sigurtà.

L-inġiniera ħadu ħsieb biex jaraw li l-ajruplan ma ġarrab l-ebda ħsara.

L-Air Malta żiedet tgħid li l-passiġġieri kollha jinsabu tajbin.

F’sitwazzjonijiet fejn jaħbtu għasafar f’ajruplan hi normali li ajruplan ma jtirx minħabba proċeduri ta’ sigurtà.

L-Air Malta temmet tgħid li s-sigurtà tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ hi prijorità, filwaqt li talbet apoloġija minħabba dak li ġara.