L-Għarusa titwaqqaf ukoll

L-Għarusa

L-episodju li xxandar illejla fuq TVM mis-sensiela L-Għarusa kien l-aħħar wieħed hekk kif minħabba fi prekawzzjonijiet li qed jittieħdu twaqqaf il-ġbid ta’ din is-sensiela u b’hekk jidher inċert meta se jkunu qed jintwerew l-aħħar tlett puntati ta’ din is-sensiela li għandha kitba ta’ Audrey Brincat Dalli u produzzjoni ta’ Sharp Shoot Media.

Id-diretturi ta’ Sharp Shoot Media kkonfermaw magħna li fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji li qed jolqtu d-dinja bħalissa, ħassew il-ħtieġa li huma wkoll iwaqqfu il-ġbid fuq ix-xeni li kien jonqoshom fuq dawn il-puntati u li jwasslu fi tmiem il-ġrajja.

Il-ġimgħa d-dieħla però se jkun qed jitwassal episodju speċjali li se jkun qed jeħodna minn wara ‘l kwinti ta’ din il-produzzjoni.

Dwar l-aħħar tlett puntati dawn ikunu qed jixxandru la darba noħorġu mill-kriżi li ninsabu fiha u l-ġbid ikun jista’ jkompli mingħajr ebda theddid fuq saħħet il-cast u l-crew ta’ din is-sensiela popolari.

Tista’ tgħid li s-sensiliet kollha tad-drama qed jintlaqtu mill-istess destin. Sensiliet oħra li twaqqaf il-ġbid tagħhom huma F’Ġieħ l-Imħabba li se tibqa’ għaddejja għal madwar 4 ġimgħat oħra, Sorelle li tibqa’ għaddejja sal-ewwel ġimgħat ta’ April kif ukoll Ħbieb u Għedewwa li tagħha hemm madwar 70 puntata miġbuda u għad iridu jibdew jixxandru. Is-sensiela Iż-Żagħka twaqqfet ilbieraħ it-Tnejn filwaqt li t-tmien u l-aħħar staġun ta’ Division 7 li kellu jibda minn għada l-Erbgħa, ġie pospostu minflok se jiġu repetuti l-puntati ta’ Game Over fuq l-istazzjon One.

Mill-banda l-oħra Fattigi li titwassal fuq Net se tkun qed tixxandar sal-bidu ta’ Mejju peress li l-ġbid tlesta kollu.