L-Għarusa terġa’ tibda tixxandar mil-lejla

Ritratt: Reno Rapa

Mil-lum fid-8.45pm, TVM se jerġa’ jibda jxandar il-puntati tat-tieni staġun tas-sensiela L-Għarusa bi produzzjoni ta’ SharpShoot Media fuq kitba ta’ Audrey Brincat Dalli. Dawn il-puntati għandhom iwasslu biex imbagħad f’Settembru jixxandru l-aħħar tlett puntati li jwasslu għat-tmiem ta’ din l-istorja. Il-ġbid fuq dawn l-aħħar puntati se jkun qiegħed jibda proprju f’dawn il-ġranet.

Fl-episodju tal-lejla Fenech Lauri ikollu żjara mingħand it-tabib sabiex jikkonvinċieh jfittex l-għajnuna iżda kollu ta’ xejn ma jridx jaf. Bettina ma raqditx għajn m’għajn matul il-lejl u kienet pjuttost raffa ma’ kuġintha Amelia. Arturo jipprova jtarraf xi ħaġa lil Lucrezia iżda Lucrezia ma tridx taf għax kienet għadha wisq entużjasta bil-festin u kuntenta li mar kollox sew. Arturo kien determinat li jimxi mod ieħor mil-lum ‘l quddiem ma’ bintu. Septa terġa’ tipprova tiddeffes u Diego jgħidilha li huwa miżżewweġ lil Bettina. Dan ifisser li allura hi mhux se tiżżewweġ lil Bert. L-investigatur privat jerġa’ jżur lil Bert, din id-darba biex jieħu sehmu issa li xogħlu lest. Fil-palazz jiġru xi movimenti li jbiddlu l-atmosfera ta’ kollox.