L-Għarusa jkompli jinħadem

Aħbar tajba għas-segwaċi tas-sensiela L-Għarusa hekk kif ilbieraħ il-produtturi tas-sensiela ħabbru li beda l-ġbid fuq l-aħħar tlett puntati li se jkunu qed jixxandru fuq TVM f’Settembru li ġej. Oriġinarjament dawn il-puntati kellhom jintwerew f’Marzu iżda l-aħħar puntata xxandret fis-17 ta’ Marzu minħabba li l-ġbid kellu jieqaf minħabba fis-sitwazzjoni li nħolqot tal-Covid-19.

Nhar it-Tlieta li għadda TVM beda jirrepeti l-episodji tat-tieni staġuni u ntwera l-ewwel episodju. Issa mit-Tlieta 7 ta’ Lulju TVM se jirdoppja l-puntati billi se juri żewġ episodju wara xulxin.

L-Għarusa għandha kitba ta’ Audrey Brincar Dalli bi produzzjoni ta’ SharpShoot Media.

X’se jiġri fl-episodji ta’ nhar it-Tlieta 7 ta’ Lulju

Fl-ewwel wieħed: Inqalgħet kommossjoni sħiħa, bdew ifittxu lil Amadeo filwaqt li Amelia niżlet ħdejh bid-dmugħ f’għajnejha. Liz u Diane narawhom fl-uffiċċju flimkien mar-rappreżentanti tagħhom. Liz qed tistenna apoloġija mingħand Diane – iżda fil-fond ta’ qalbha taf li qatt mhu ser jerġa’ jimxi kollox fuq ir-rubini bejniethom. Iżda l-istorja ma tieqafx hawn. Il-pulizija qed ifittxu lil Manwel. Għaliex? F’hiex daħal? Bejn Bernard u Amelia kien hemm naqra distanza wara li ġara. L-ispettur il-ġdid javża lill-Familja Gauci Fontana li Fenech Lauri jinsab indispost allura l-każ issa ser jgħaddi għandu. Din l-aħbar Tonin jħoss li hi stramba għall-aħħar.

Ritratt: Reno Rapa

Fit-tieni episodju li jixxandar wara l-waqfa tal-aħbarijiet:

L-investigatur privat ma jaqtax qalbu u jerġa’ jmur iżur lil Bert ġewwa l-isptar u jgħaddilu botta li ġie mgħarraf bis-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu bħalissa. Liberat tinnota xi ħaġa fuq Kalċ imma ma tinterrompix. Bernard jiftaħ qalbu ma’ ħuh Agostino dwar x’ġara l-għada tat-tieġ ta’ Ġiovann u Marie. Amelia turi indifferenza meta din l-istorja tasal għand Arturo u Bernard iħossu mweġġa’ dwar dan. Arturo jaffaċċja lil Kalċ u lil Lucrezia iżda Lucrezia għażlet li ma tismax u li mhix lesta li titlef wild ieħor.