L-Għarusa jirdoppja

Waera li l-ġimgħa l-oħra xxandar mill-ġdid l-ewwel episodju mit-tieni staġun ta’ L-Għarusa, mil-lejla TVM se jkun qed ixandar żewġ episodji wara xulxin minn din is-sensiela popolari ta’ SharpShoot Media fuq kitba ta’ Audrey Brincat Dalli.

Fl-ewwel wieħed li jixxandar fl-8.45pm se naraw kif inqalgħet kommossjoni sħiħa hekk kif bdew ifittxu lil Amadeo filwaqt li Amelia niżlet ħdejh bid-dmugħ f’għajnejha. Liz u Diane narawhom fl-uffiċċju flimkien mar-rappreżentanti tagħhom. Liz qed tistenna apoloġija mingħand Diane – iżda fil-fond ta’ qalbha taf li qatt mhu ser jerġa’ jimxi kollox fuq ir-rubini bejniethom. Iżda l-istorja ma tieqafx hawn. Il-pulizija qed ifittxu lil Manwel. Għaliex? F’hiex daħal? Bejn Bernard u Amelia kien hemm naqra distanza wara li ġara. L-ispettur il-ġdid javża lill-Familja Gauci Fontana li Fenech Lauri jinsab indispost allura l-każ issa ser jgħaddi għandu. Din l-aħbar Tonin jħoss li hi stramba għall-aħħar.

Fit-tieni episodju li jixxandar wara l-waqfa tal-aħbarijiet se naraw li l-investigatur privat ma jaqtax qalbu u jerġa’ jmur iżur lil Bert ġewwa l-isptar u jgħaddilu botta li ġie mgħarraf bis-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu bħalissa. Liberat tinnota xi ħaġa fuq Kalċ imma ma tinterrompix. Bernard jiftaħ qalbu ma’ ħuh Agostino dwar x’ġara l-għada tat-tieġ ta’ Ġiovann u Marie. Amelia turi indifferenza meta din l-istorja tasal għand Arturo u Bernard iħossu mweġġa’ dwar dan. Arturo jaffaċċja lil Kalċ u lil Lucrezia iżda Lucrezia għażlet li ma tismax u li mhix lesta li titlef wild ieħor.