L-għaqdiet studenteski ma jaqblux fuq il-proposta tal-MUMN

L-għaqdiet studenteski tal-università Pulse, SDM u MHSA wrew opinjoni kuntrastanti fuq dak li pproponiet il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel (l-MUMN) meta qalet li studenti infermiera u studenti qwiebel għandhom jingħataw paga minima u mhux biss stupendju.
L-għaqda Pulse qalet kif fis-snin li għaddew, il-professjoni tal-infermiera kontinwament affaċja sfidi, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema u interess.
Fi stqarrija Pulse għaldaqstant ħeġġet lill-Gvern biex jikkunsidra serjament din il-proposta sabiex ikun hemm iktar inċentivi għall-professjoni tal-infermiera.
Min-naħa l-oħra, l-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (l-SDM) sostniet li jekk tgħaddi din il-proposta, studenti se jibdew japplikaw għal dan il-kors bil-motiv ħażin. Sostniet li professjonisti fis-settur tas-saħħa huma professjonisti vokazzjonali u jkun ta’ detriment jekk studenti jibdew japplikaw għal dawn il-korsijiet sempliċiment biex ikollhom iktar dħul.
Issuġġeriet lill-MUMN issib mezzi oħra ta’ kif tista’ tħajjar studenti japplikaw għal dawn il-korsijiet.
Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tas-Saħħa ta’ Malta (l-MHSA) ukoll qalet li studenti infermiena u studenti qwiebel m’għandhomx jingħataw il-paga minima għax inkella studenti jibdew japplikaw għal dawn il-korsijiet b’inċentiv ħażin.
Saħqet li l-kors tal-infermiera jeħtieġ dedikazzjoni kbira u li l-flus m’għandhomx ikunu l-inċentiv għall-istudenti biex jidħlu f’dan il-kors.
Barra minn hekk, qalet li jekk dawn l-istudenti jingħataw paga minima, anke studenti oħra li jattendu placement bħala parti mill-kors tagħhom għandhom jingħataw il-paga minima.