L-għaqdiet bl-aħħar appelli qabel il-vot ta’ għada dwar il-Park tal-Majjistral

Il-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral appellat biex l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa fl-istess park tiġi kkanċellata filwaqt li l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba, u Konservazzjonisti qalet li għandha fiduċja fil-Membri Parlamentari kollha ħlief tal-Partit Demokratiku li jagħmlu d-deċiżjoni t-tajba għada.
L-għaqdiet ħarġu dawn l-istqarrijiet minħabba li għada fil-Parlament se jittieħed vot dwar l-estensjoni fil-ħin tal-kaċċa u tal-insib fil-Park tal-Majjistral.
Fi stqarrija, l-Federazzjoni tal-Park qalet li tispera li għada fil-Parlament jirbaħ is-sens komun u li l-Membri tal-Parlament jappoġġjaw il-mozzjoni mressqa mid-deputat tal-Partit Demoktratiku Godfrey Farrugia biex l-avviż legali jiġi revokat.
Il-Federazzjoni tal-Park fakkret kif f’Ottubru li għadda, kien hemm estensjoni fil-ħinijiet tal-kaċċa u tal-insib fil-Park tal-Majjistral mingħajr ma saret konsultazzjoni pubblika.
Il-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral hi magħmula mill-organizzazzjonijiet Din l-Art Ħelwa, Nature Trust Malta, u l-Gaia Foundation. Fil-fehma tal-Federazzjoni, l-estensjonijiet fil-ħinijiet li saru jillimitaw l-aċċess pubbliku għal dan il-park.
Fi stqarrija separata, Din l-Art Ħelwa qalet li bagħtet ittra lil kull Membru tal-Parlament. Fl-ittra fakkret kif fil-passat kienet iġġieldet biex iż-żona fejn jinsab il-Park ikun jista’ jitgawda minn kulħadd. Qalet li f’Malta, gżira fejn hemm żvilupp bla rażan, huwa kruċjali li jkun hemm ftit spazju li fih wieħed ikun jista’ jgawdi n-natura.
L-għaqda qalet li l-Bord tal-Majjisral ivvota b’mod unanimu kontra l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa. Dan il-Bord huwa magħmul mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, minn rappreżentanti tal-Gvern, u minn tliet rappreżentanti mill-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral.
Ilbieraħ il-BirdLlife Malta appellat lill-Membri Parlamentari biex ipoġġu l-interess nazzjonali qabel kull interess individwali jew partiġġjan, meta jiġu biex jiddibattu dwar il-mozzjoni.
Il-BirdLife lmentat li l-Avviż Legali li estenda l-ħinijiet tal-Park għadda mingħajr ma saret ebda konsultazzjoni pubblika mal-partijiet involuti, inkluż il-Bord stess.
Il-BirdLife m’għandhiex fiduċja fil-Membri Parlamentari Laburisti jew Nazzjonalisti –FKNK
Intant, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba, u Konservazzjonisti (FKNK) qalet li l-BirdLife m’għandhiex fiduċja fil-Membri Parlamentari Laburisti jew Nazzjonalisti.      
Skont il-FKNK, filwaqt li l-BirdLife kkritikat lill-Gvern minħabba l-estensjoni fil-ħin ikkritika wkoll lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista talli jidher li mhux se tappoġġja mozzjoni kontra l-estensjoni fil-ħin.
Fi kliem il-FKNK, il-BirdLife Malta “iridu jibqgħu jinsistu bil-politika ta' abolizzjoni, minkejja d-disfatti li kellhom.”
Dwar il-konsultazzjoni pubblika li ma saritx, il-FKNK qalet li lanqas kien hemm konsultazzjoni pubblika f’każijiet simili oħra.
Il-FKNK temmet tgħid li għandha fiduċja sħiħa fil-Membri Parlamentari tal-PL u tal-PN. Madanakollu qalet li d-Deputati tal-Partit Demokratiku ma jżommux mal-prinċipji tal-Maltin u l-Għawdxin.